Jirrealizzaw li kienet ċajta wara li “jinħatfu” u jiġu mhedda li se jinqatlu

Programm televiżiv fl-Iraq, li jagħmel ċajt fuq persuni famużi fil-pajjiż, ġie mwaqqaf wara reazzjoni negattiva mill-pubbliku għal ċajta goffa li saret. 

Iċ-ċajta inkwistjoni saret fil-jiem tar-Ramadan fuq programm li jġib l-isem Rislan’s Shooting. F’din il-puntata, żewġ ċelebritajiet taparsi ġew maħtufa mill-militanti tal- ISIS, libbsuhom ġakketta suwiċida u anke qalulhom li se jinqatlu. 

Il-programm kien jibda b’dawn iċ-ċelebritajiet iżuru familji Iraqqini, li kienu atturi, għax dawn taparsi kienu vittmi ta’ estremiżmu. 

Iċ-ċelebritajiet mingħalihom kienu qegħdin jipparteċipaw fi proġett karitattiv. Kif kienu mal-familji “vittmi”, atturi oħrajn jippożaw ta’ ġiħadisti, daħlu fil-post u żammew liċ-ċelebritajiet ostaġġi. Dawn qalulhom li mhux se jinħelqsu qabel “l-armata” tintervjeni. Dawn il-“ġiħadisti” waslu fuq il-post permezz ta’ karozzi u f’idejhom kellhom armi fittizji u anke bnadar tal-ISIS. “Il-ġiħadisti” bdew taparsi jattakkaw id-dar fejn kien hemm il-familji taparsi vittmi tal-estremiżmu u anke ntużaw ħsejjes ta’ armi tan-nar. Eventwalment, il-ġiħdisti rnexxielhom jidħlu fid-dar u ħadu liċ-ċelebritajiet “ostaġġi”. 

Fil-verità din iċ-ċajta kienet trawma għaċ-ċelebritajiet tant li l-attriċi Nessma, li kienet waħda mill-vittmi, ħassha ħażin tliet darbiet wara li libbsulha l-gakketta taparsi bl-isplussiv. Darba minnhom saħansitra damet tliet minuti mitlufa minn sensiha sakemm il-producer tefa’ l-ilma fuq wiċċha. Il-vittma ieħor, il-plejer tal-futbol Alaa Mhawi li lagħab 44 darba mat-tim nazzjonali tal-pajjiż, ġie ffilmajt jittallab għal ħajtu meta kien qiegħed jiġi mgħammad. Mhawi beda jgħajjat, “jiena ħukom, jiena Iraqqin u nirrappreżenta lin-nazzjon kollu.” Huwa wkoll ġie mlibbes “ġakketta suwiċida” fl-istess waqt li ġiħadisti bdew tapasri jisparaw. 

Kif mistenni dan kollu wassal għal reazzjoni negattiva ħafna mill-pubbliku għax dan il-pajjiż għadu qiegħed jesperjenza t-theddida tal-estremiżmu, filwaqt li bosta qalu li dan huwa ċajt goff ħafna li jista’ jkun perikoluż fuq is-saħħa tal- vittmi. 

Share With: