Jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’ħasil ta’ flus

Mario Brignone ta’ 66 sena minn Bormla tressaq il-Qorti mixli b’ħasil ta’ flus u li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti li permezz tagħhom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh mill-Ispettur Lianne Bonello, u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona.

L-Ispettur Bonello spjegat lill-Qorti li fit-12 ta’ April, hija ġiet ikkuntattjata mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga li kienu għamlu rejd lit-tifel tiegħu. Qalet li meta marru fid-dar tal-akkużat sabu li kien ġibed €12,000 u d-dar kellu €2,000 oħra. Qalet ukoll li l-akkużat kien stqarr li l-flus kien ġibidhom mill-pensjoni minn Awwissu ‘l hawn, però s-somom ma kinux jaqblu. 

Id-Difiża min-naħa tagħha argumentat li kull meta l-Pulizija bagħtu għall-imputat meta kien bil-police bail, huwa mar. 

Wara li semgħet iż-żewġ partijiet, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-każ u l-fatt li għad baqa’ xhieda pajżana li għad iridu jixhdu.

L-Avukati Etienne Savona u Godwin Cini dehru f’isem l-Avukat Ġenerali. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Brignone.

Share With: