Jean Claude Micallef jitlob apoloġija lil Mario De Marco

Id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef għamel apoloġija lid-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco. Dan wara li Micallef ippreżenta lis-Sedja parti biss minn intervista li għamel De Marco dwar il-kwistjoni tal-‘grey listing’. 

Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia nnota li l-video li ppreżenta Micallef, fejn De Marco instema’ jgħid li Malta se tkun grey listed, ma kienx komplet u kien jagħti stampa mhux korretta ta’ dak li kien qed jgħid De Marco waqt l-intervista kollha u sħiħa.

“Is-sedja tara u tistenna li kull membru għandu personalment jaċċerta ruħu li jkollu stampa sħiħa u fl-intier tagħha tal-materja li jkun qed jitratta biex meta jindirizza l-kamra, dejjem ikun korrett u leali lejn il-fatti,” qal l-Ispeaker li ddeplora dawn it-tip ta’ inċidenti bejn il-membri tal-Kamra.

Kien għalhekk li fiċ-ċirkostanzi talab lil Micallef biex jagħmel apoloġija lil De Marco. Min-naħa tiegħu, Micallef, filwaqt li skuża ruħu, qal li kieku kellu aktar ħin kien jippreżenta l-‘clip kollu’. 

Share With: