“Iż-żewġ deputati se jkomplu jagħtu l-enerġija biex il-PN joħroġ rebbieħ fl-elezzjoni li jmiss”

Il-PN iħassar il-laqgħa tal-Eżekuttiv dwar id-deputati Adrian Delia u Jason Azzopardi

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iħassar il-laqgħa tal-Eżekuttiv li kienet imsejħa għal-lejla, u dan wara stqarrija konġunta li saret bejn id-deputati tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u Jason Azzopardi.

Matul il-laqgħa kien mistenni li jkunu diskussi l-posts fuq il-mezzi soċjali li nkitbu mid-Deputati Nazzjonalisti t-Tlieta li għadda u li setgħu saru bi ksur tar-regolamenti tal-istatut tal-Partit tagħhom.

Intant mill-punti tal-istqarrija maħruġa jirriżulta li filwaqt li d-deputati huma kontra kull forma ta’ korruzzjoni, Azzopardi jinnota li Delia tħalla waħdu fil-kawża li fetaħ b’rabta mal-kuntratt tal-Vitals.

Azzopardi jmur lura minn stqarrijiet li għamel b’rabta mal-kuntatt b’messaġġi bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia.

Fl-aħħar iżda mhux lanqas jingħad li fid-dawl tal-punti msemmija, iż-żewġ deputati lesti li jagħtu l-enerġija kollha tagħhom biex il-PN joħroġ bħala l-partit rebbieħ fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Share With: