Investiment ta’ €2.5 miljun għar-riġenerazzjoni ta’ 40 blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ħabbar l-investiment ta’ €2.5 miljun għar-riġenerazzjoni ta’ 40 blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali f’din is-sena. B’hekk mill-bidu tal-leġiżlatura sa issa l-gvern se jkun investa madwar €12-il miljun f’dawn ix-xogħlijiet.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar kif bħala parti minn programm ħolistiku biex jingħata nifs ġdid lill-housing eżistenti, din is-sena ġew allokati €2.5 miljun għal xogħlijiet li minnhom se jgawdu madwar 450 familja li jgħixu f’dawn il-postijiet.

Ix-xogħlijiet se jsiru fuq sitt blokok f’Santa Luċija, 14-il blokka f’Ħaż Żebbuġ, seba’ blokok il-Birgu, sitt blokok f’San Ġwann, ħames blokok f’Ħal Luqa u tnejn f’Ħal Qormi. Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rinovar se jiffukaw fuq il-faċċati, fuq is-soqfa u f’partijiet tal-komun, u huma mistennija li jsiru matul din is-sena.

“Hu fatt magħruf li din l-amministrazzjoni għamlet ir-riġenerazzjoni tal-housing estates bħala waħda mill-prioritajiet tagħha. Stajna ffukajna biss fuq il-bini ta’ housing soċjali ġdid – li qed jara l-bini bla preċedent ta’ 1,700 unit – iżda wara għexieren ta’ snin abbandunati, ma stajniex ninjoraw din l-isfida tal-binjiet eżistenti. Titkellem mar-residenti u jgħidulek li l-binja tagħhom inbniet fis-sittinijiet u sebgħinijiet, u minn dakinhar ‘l hawn ma jkun sar l-ebda xogħol ta’ manutenzjoni. Aħna għalhekk bdejna programm ambizzjuż fejn qed induru l-binjiet kollha ta’ pajjiżna wieħed wieħed. U r-riżultati diġà qed jidhru”, spjega l-Ministru Galdes.

Hu kien qed jindirizza l-konferenza miż-żona ta’ Farsina f’Ħal Qormi, żona li fl-aħħar xhur rat dan l-istess tip ta’ xogħol fuq il-blokok tagħha u li issa ngħataw dehra ġdida.

“B’dak li qed taraw warajja qed ngħaddu l-messaġġ li dan mhuwiex biss paroli. Għamilna u se nkomplu nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Dawn il-binjiet huma assi tal-gvern u hu dmirna li nieħdu ħsiebhom, iżda aktar minn hekk dawn huma d-djar għall-familji tagħna”, temm jgħid il-Ministru Galdes.

Minbarra l-programm ta’ xogħlijiet li tħabbar illum, f’din il-leġiżlatura diġà ġew investiti €9,639,200 għal xogħlijiet li minnhom gawdew aktar minn 1,760 familja. Ix-xogħlijiet, li saru bejn l-2017 u 2020, saru f’diversi blokok fosthom fil-Ħamrun, Ħal Lija, Mellieħa, Santa Luċija, Pembroke, Siġġiewi, Birkirkara, San Ġwann, Ħal Qormi, Kalkara, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Naxxar, Bormla, Rabat, Ta’ Ġiorni, Żejtun, u Ħaż-Żabbar. Dan kollu jissarraf f’investiment totali ta’ aktar minn €12-il miljun mill-2017 sa issa.

Share With: