Investiment ta’ €1 miljun f’sala ġdida li se tiftaħ minn għada f’Monte Carmeli

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar li minn għada se tibda topera sala ġdida ddedikata lit-tabiba Marija Sciberras li fiha se tilqa’ nisa li jkollhom problemi tad-droga. Din is-sala ta’ livell għoli, mgħammra bl-aqwa apparat, sodod u għamara apposta hija investiment ta’ €1 miljun u qiegħda ssir bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali f’Malta.

Il-Ministru Fearne qal li l-istrateġija tas-saħħa mentali hija bbażata fuq erba’ pilastri prinċipali u li flimkien se joffru servizz importanti lill-pazjenti lokali. Fl-inawgurazzjoni tas-sala l-ġdida f’Monte Carmeli huwa qal li din hija waħda mill-proġetti parti mit-tieni pilastru tal-istrateġija nazzjonali – li hija l-infrastruttura, b’mod speċifiku, tal-isptarijiet tagħna.

Il-Ministru tas-Saħħa filwaqt li inawgura s-“Sala Marija Sciberras”, li se tiftaħ għada minn għada stess, qal li din m’hiex l-unika proġett għall-Isptar Monte Carmeli. Huwa qal li bħalissa qiegħed isir aktar xogħol fil-female ward; il-Blokka 10 se titwaqqa’ kompletament u fil-Blokk 1 qiegħed isir ħafna xogħol ta’ strutturar. Fearne żied jgħid li għall-pazjenti żgħażagħ, qegħdin jirranġaw ġnien biex ikollhom post sabiħ fejn ikunu jistgħu jirrilassaw ukoll.

F’dawn is-snin qiegħda ssir ħidma biex is-servizzi tas-saħħa mentali, aktar milli jingħataw fi sptar, isiru fil-komunità u fuq il-postijiet tax-xogħol. F’dawn l-aħħar sentejn u nofs Fearne qal li 223 pazjenti ġew rilokati f’hostles jew fi djar oħra fil-komunità biex b’hekk in-numru tal-pazjenti f’Monte Carmeli naqas bin-nofs. 

Barra minnhekk, id-Deputat Prim Ministru semma’ l-bini tal-isptar il-ġdid għall-kura tal-mard mentali u spjega li sakemm jinbena dan l-isptar għall-persuni li jkollhom bżonn kura ta’ ftit jiem, se jkun hemm binja moderna temporanja f’Mater Dei. 

Share With: