Investiment fi 80 laboratorju ffinanzjati b’fondi Ewropej

“Parti mill-ħidma tagħna, kemm bħala Ministeru u wkoll bħala Dipartiment tal-Edukazzjoni, huwa l-investiment f’uliedna biex naraw li dan is-settur ikun wieħed mill-aqwa esperjenzi, u fl-istess ħin nipprovdu dak kollu possibbli biex nagħtu l-opportunitajiet kollha lill-uliedna. Dan l-investiment fl-iskejjel kollha sekondarji huwa immirat għal edukazzjoni ħolistika u biex naraw li nkomplu nnaqsu r-rata tal-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola,” qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, meta flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru l-VET Labs fil-Kulleġġ San Benedittu Sekondarja Kirkop.

Il-proġett INVEST għandu l-għan li jtejjeb u jkabbar l-infrastruttura fiżika biex ikun provdut tagħlim u taħriġ vokazzjonali lill-istudenti fl-iskejjel sekondarji. Il-proġett jinvolvi t-titjib u l-immodernizzar tal-laboratorji VET, u fi skejjel partikolari dawn inbnew ukoll mill-ġdid.

Il-Ministru Caruana qalet li kien hemm investiment ta’ €10 miljun f’dawn il-laboratorji, total li jikkonsisti f’bini ġdid, modernizzar, xiri ta’ apparat u tagħmir ieħor.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi spjega kif minn dawn l-għaxar miljuni hemm tliet miljun minnhom li huma ffinanzjati b’fondi Ewropej. Infatti, huwa stqarr li fil-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop ġew mgħammra sitt laboratorji li qed jipprovdu taħriġ vokazzjonali differenti biex is-sistema edukattiva nkunu nistgħu naddattawha għal kulħadd. Dr Zrinzo Azzopardi spjega wkoll kif madwar Malta u Għawdex insibu 80 laboratorju ffinanzjati b’fondi Ewropej, biex b’hekk verament nistgħu ngħidu li dawn il-fondi qed jaslu għand kulħadd.

L-isforz tal-Gvern li jiftaħ laboratorji u workshops fl-iskejjel sekondarji kollha madwar Malta u Għawdex qed iwassal biex l-istudenti jingħataw l-opportunità jitgħallmu u jitħarrġu f’suġġetti vokazzjonali differenti, dawk li qabel konna nsejħulhom snajja. Fost dawn is-suġġetti hemm; it-teknoloġija tal-informatika, l-inġinerija, it-turizmu u l-ospitalità, il-kura tax-xagħar u s-sbuħija, il-midja, it-tessuti, l-agrinegozju, il-bejgħ fil-ħwienet u l-kura tas-saħħa.

Dan il-proġett ambizzjuż kien jinvolvi t-twaqqif ta’ laboratorji u workshops speċifici għal dawn is-suġġetti u f’ħafna mill-iskejjel spazji eżistenti kienu konvertiti f’dawn il-laboratorji, fl-iskejjel tal-Imrieħel u taż-Żejtun kienet meħtieġa wkoll il-kostruzzjoni ta’ estensjonijiet. Ix-xogħol kollu f’dawn il-laboratorji u workshops kien f’idejn il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, taħt id-direzzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Share With: