Introdott servizz ta’ espert tad-dieta għall-anzjani

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li se jkun qed jiġi introdott servizz ta’ espert tad-dieta, jew dietitian, bl-iskop li nkomplu nippromwovu kwalità ta’ ħajja aħjar fost l-anzjani kif ukoll inżommu kemm jista’ jkun ‘il bogħod mill-mard.

“Dan se jkun possibbli wara evalwazzjoni ta’ numru ta’ servizzi, fejn ġie deċiż li dan is-servizz għandu jkun estiż u jibda jkopri d-djar tal-anzjani tal-gvern, id-djar li qegħdin taħt l-iskema PPP u taħt l-iskema tax-xiri ta’ sodod, kif ukoll lil dawk l-anzjani li jgħixu fil-komunità u ma jistgħux joħorġu mid-dar jew huma vulnerabbli u ma jistgħux imorru żjarat ta’ outpatients”, qal il-Ministru Farrugia.

Huwa spjega li l-introduzzjoni ta’ Clinical Nutrition Practice Nurse fl-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità ġabet magħha l-bżonn ta’ servizz ta’ dietitian. Id-domanda għal dan is-servizz beda jiżdied kemm fil-komunità kif ukoll fid-djar tal-anzjani.

Dan is-servizz kien jiġi offrut mid-Dietetic Department f’Mater Dei u ċ-ċentri tas-saħħa bħala servizz ta’ outpatient, pero l-proċessi ta’ referrals kienu limitati ħafna u kienu qed jikkawżaw piż fuq il-klijent u fuq is-sistema kollha tas-saħħa. Għaldaqstant, id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità introduċa disa’ dietitians fuq bażi part-time. Dawn se jkunu allokati f’postijiet differenti biex ikunu disponibbli u jassiguraw l-ogħla servizz ta’ ħarsien li jistgħu jagħtu lill-anzjani.

Id-dietitian se tkun qed tagħti rakkomandazzjonijiet u pariri dwar in-nutrizzjoni, l-ikel, modifiki li jkun hemm bżonn li jsiru fid-dieta, trattamenti, u gwida lill-anzjani u l-qraba tagħhom kif ukoll lill-istaff.

Mill-10 ta’ Mejju, id-dietitians se jkunu qed jassessjaw u jitrattaw il-100 anzjan li bħalissa huma diġà klijenti tas-servizz. Is-servizz jinkludi wkoll assessjar u follow-ups, pariri dwar dieta minħabba kundizzjonijiet speċifiċi, taħriġ u pariri għal professjonisti tas-saħħa, appoġġ u pariri lill-carers, u għajnuna biex jitjiebu l-livelli ta’ nutrizzjoni fid-djar tal-anzjani u fil-komunità.

Share With: