Il-vittma nstabet fin-naħa tal-passiġġier… x’aktarx f’paniku biex toħroġ mill-karozza

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każijiet tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015 u tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017.

L-irġiel akkużati huma l-aħwa Robert u Adrian Agius, magħrufin bħala Ta’ Maksar, Jamie Vella, u l-aħwa George u Alfred Degiorgio.  

Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo nstemgħet ix-xhieda ta’ numru ta’ uffiċjali. Fost l-oħrajn xehed il-pumpier Arthur Grech li dak iż-żmien kien stazzjonat fix-Xemxija. qal li wara li tfew il-karozza min-nirien, intebħu li kienet fil-fatt karozza li splodiet. Dakinhar kienet saret tfittxija għal persuni oħra li setgħu kienu fil-karozza. 

Tkellem uffiċjal tal-Pulizija li fl-2017 kien stazzjonat fl-għassa tal-Mosta. Ix-xhud u uffiċjal ieħor għalqu t-toroq min-naħa t’isfel. Fit-triq kien hemm iben il-vittma, Matthew Caruana Galizia. Ix-xhud jgħid li mal-art beda jinnota ħafna partijiet ta’ persuna. Talab lil Matthew Caruana Galizia biex jitbiegħed daqsxejn għax il-karozza kienet għadha taqbad.

Xhud ieħor spjega x-xena makabra u qal li meta waslu kien għad hemm il-karozza li kienet għadha tieħu n-nar u fdalijiet ta’ persuna fuq in-naħa tal-passiġġier.

L-Avukat Alfred Abela qam jgħid lill-Maġistrat li fil-fehma tiegħu, dawn is-seduti jistgħu jintużaw aħjar minħabba ripetizzjoni fix-xhieda. 

Il-Maġistrat taqbel miegħu, iżda ġaladarba m’għandhiex l-atti tal-inkjesta, m’hemmx x’jista’ jsir. Cuschieri assoċja ruħu ma’ dan l-ilment u qal li l-klijent tiegħu diġà sostna li qed ikun hemm ripetizzjoni żejda.

Jitla’ jixhed Francis Sant, ir-raġel li lemaħ il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia taqbad meta kien qed isuq il-karozza tiegħu fid-direzzjoni ta’ Tarġa Gap. 

Jgħid li kien tiela’ b’veloċità baxxa, u dakinhar innota karozza ġejja minn faċċata tiegħu b’persuna ġo fiha bħal maħkuma minn paniku. 

Kif il-persuna ġo dik il-karozza waqfet, hu waqaf ukoll. Itenni li l-persuna dehret qed tippanikja. Ix-xhud jispjega li kollox sar malajr u li fi ftit sekondi spiċċat f’balla nar. Ix-xhud ikompli jgħid li sema lill-vittma twerżaq twerżieqa kbira. Jgħid li l-fatt li l-karozza ddevjat għal ġo fih jista’ jagħti l-każ li ppruvat toħroġ mill-karozza. Jgħid li kif ħareġ mill-karozza u ra l-partijiet tal-vittma bħal iġġamja. Jgħid li għall-ewwel waqfet karozza u wara deher ġej iben il-vittma li kważi baqa’ dieħel għal ġon-nar.

Maria Winifred Sammut Grech, li toqgħod il-Mosta, fuq il-Victoria Lines xehdet li kienet tara karozzi pparkjata fil-viċinanzi tad-dar. Tgħid li wara dakinhar, il-karozza ma rathiex aktar.

Xhud ieħor kien sid ta’ razzett fil-Bidnija li meta kkuntattjat dwar daħna li setgħet kienet ġejja mir-razzett tiegħu mar biex jiċċekkja. 

Jitkellem dwar il-kuntatt fiżiku ma’ iben il-vittma li qallu “You were taking pictures of my mum.” Ix-xhud ċaħad, imma dan baqa’ jinsisti. Ix-xhud tah il-mowbajl u Caruana Galizia tefgħu mal-art. Ix-xhud jgħid li jifhem ir-rabja tiegħu u min xiex kien għaddej. “Qabad il-mowbajl u sabbtu mal-art. Kissirhuli.” Xi jiem wara ċemplulu l-Pulizija biex jistaqsuh il-mowbajl kienx għadu għandu.

Il-każ ikompli nhar it-Tnejn, 17 ta’ Mejju, fit-8:30 a.m. 

Share With: