Il-Pulizija Ġermaniża temmen li “Madeleine nqatlet fil-Portugall”

Il-Pulizija li qiegħda tinvestiga l-għibien taċ-ċkejkna Madeleine McCann temmen li din tal-aħħar inqatlet  fil-Portugall mis-suspettat Ġermaniż Christian Brueckner. Fil-bidu kien hemm il-biża’ li s-suspettat kien ittrasferixxa lit-tifla lejn il-Ġermanja minn Praia da Luz; il-post li minnu għebet it-tifla 14-il sena ilu.

Skont Sunday Mirror issa jidher li kien hemm żvolta fil-każ. Il-Prosekutur Hans Christian Wolters li qiegħed imexxi l-investigazzjonijiet fil-Ġermanja sostna li l-Pulizija jinsabu konvinti li t-tifla mietet fil-Portugall. Il-Prosekutur kien diġà qal li għandu “evidenza konkreta” li Bruckner ta’ 44 sena kien qatel lil Madeleine. Dan wara li l-ġenituri tat-tifla qalu li se jibqgħu jittamaw; anke jekk din it-tama qiegħda tonqos, li jaraw lil binthom li se tagħlaq 18-il sena.

Brueckner, li qiegħed jiskontra sentenza ta’ priġunerija fil-Ġermanja wara li abbuża minn persuna pensjonanta, huwa maħsub li hu r-raġel responsabbli mill-ħtif ta’ Madeleine.

Aktar kmieni din il-ġimgħa Wolters żvela li hemm evidenza ġdida li nġabret fl-aħħar jiem, iżda irrifjuta li jiżvela punti speċifiċi b’rabta ma’ din l-evidenza. Meta mistoqsi fejn jaħseb li nqatlet it-tifla, Wolters wieġeb li fil-Portugall u li jinsab ottimist li se jkun qiegħed jissolva dan il-każ ukoll.

It-tifla ta’ tliet snin kienet għebet minn appartament fil-Portugall lura fit-3 ta’ Mejju tal-2007.

Share With: