Il-Prim Ministru jipparteċipa b’mod virtwali f’laqgħa bejn il-mexxejja Ewropej

Matul jumejn ta’ diskussjonijiet f’Porto, fil-Portugall, il-Prim Ministru Robert Abela ipparteċipa  b’mod virtwali f’laqgħa informali bejn il-mexxejja Ewropej.  

Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru saħaq dwar l-importanza tal-vaċċin biex tkompli tiġi miġġielda  l-COVID-19. Filwaqt li rrikonoxxa l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea fl-akkwist tal-vaċċini għall istati membri, huwa sostna li l-prevedibbiltà tal-konsenji tal-vaċċin, kemm fl-immedjat kif ukoll fil futur, jibqa’ fattur importanti ħafna fil-ġlieda kontra l-pandemija. 

Dr Abela tenna li jeħtieġ li l-pajjiżi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għodda neċessarja biex  jipproteġu ċ-ċittadini. F’dan l-ispirtu, il-Prim Ministru saħaq li għandna nappoġġjaw ukoll pajjiżi  terzi biex isaħħu l-infrastruttura tal-ittestjar tal-COVID-19 u nassistuhom jiksbu l-vaċċin anke billi  naraw x’hemm bżonn isir biex tiġi aċċellerata l-produzzjoni. Dan anke biex l-Unjoni Ewropea  tkompli tonora r-responsabbiltà globali tagħha u tippreserva l-irwol ewlieni tagħha fil-ġlieda kontra l-pandemija. 

Il-Prim Ministru aċċenna wkoll li ċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar huwa għodda importanti għall-istaġun  tas-Sajf, partikolarment għal pajjiżi bħal Malta li jiddependu fuq il-moviment ħieles tal-persuni.  Huwa spjega li f’qasir żmien, Malta se tkun qiegħda tintroduċi ċ-ċertifikat tal-vaċċin biex jiffaċċilita  aktar l-ivvjaġġar u li bħala pajjiż nistgħu nservu ta’ proġett pilota taċ-Ċertifikat Diġitali Aħdar għall 

Unjoni Ewropea. Dr Abela tenna li flimkien ma’ dawn iċ-ċertifikati, huwa importanti li jibqgħu fis seħħ miżuri ta’ ttestjar għal persuni li ma jkunux għadhom ħadu t-tilqima kontra l-COVID-19.  

Matul id-diskussjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja, il-Prim Ministru spjega li  Malta tappoġġja bis-sħiħ is-sħubija strateġika li hija mmirata biex ittejjeb ir-rabtiet bilaterali u  kummerċjali kif ukoll il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni, kif previst fid Dikjarazzjoni Konġunta li ġiet adottata waqt il-laqgħa. Dr Abela esprima solidarjetà mal-Prim  Ministru Indjan Narendra Modi li ngħaqad b’mod virtwali għal-laqgħa, filwaqt li tenna l-appoġġ ta’  Malta, li anke jekk permezz ta’ donazzjoni żgħira ta’ magni tal-ossiġnu, se tibqa’ tgħin lill-Indja kif  tista’ fil-ġlieda tagħha u s-sitwazzjoni devastanti li esperjenzat fl-aħħar ġimgħat b’rabta mal-COVID 19. 

Waqt il-laqgħa, il-mexxejja Ewropej adottaw id-Dikjarazzjoni ta’ Porto li telenka l-viżjoni tal-UE  biex tissaħħaħ soċjalment, anke permezz ta’ investimenti f’oqsma diġitali, ambjentali u permezz ta’ tranżizzjoni ġusta għall-Unjoni Ewropea. 

Dwar dan, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li huwa kruċjali li filwaqt li l-Unjoni Ewropea  tindirizza r-realtajiet preżenti, tirrifletti fuq il-prijoritajiet futuri u esprima l-ħsieb li l-Unjoni Ewropea  għandha tiġġieled għall-ugwaljanza, l-inklużività u soċjetà ġusta għal kulħadd.  

Huwa qal li l-Unjoni trid tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ għodod bżonnjużi għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u  diġitali, filwaqt li rrefera għas-suċċess li kiseb il-Gvern Malti permezz ta’ diversi programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja u investiment fil-kapital uman, liema programmi l-gvern impenjat li jkompli  jippromwovi matul l-għaxar snin li ġejjin. 

Il-Prim Ministru kkonkluda b’enfasi fuq il-bżonn li l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ il-ħidma tagħha sabiex  aktar ċittadini jiġu elevati mill-faqar u qal li għandu jiġi assigurat li t-tkabbir ekonomiku verament  iwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja u f’opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

Share With: