Il-President jinawgura uffiċjalment il-“fergħa ewlenija” tal-HSBC Malta

Il-President ta’ Malta George Vella inawgura uffiċjalment il-fergħa l-ġdida tal-HSBC Malta f’Ħal Qormi, li l-bank jiddeskrivi bħala l-ikbar fergħa u l-iktar innovattiva li għandu f’Malta, li tipprovdi lill-klijenti b’servizz iktar flessibbli.

Filwaqt li nnota li x-xogħol li sar huwa riżultat ta’ viżjoni ċara u xhur ta’ ppjanar dettaljat, wara li faħħar is-sbuħija tal-binja, il-President tkellem b’mod pożittiv dwar il-karatteristiċi ta’ ffrankar tal-enerġija u ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u qal li tali karatteristiċi għandhom ikunu għan għall-preżent u għall-“futur” ta’ kull korporazzjoni jew entità kummerċjali.

Il-President qal li s-sitwazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ħolqot sfida għall-mod kif in-nies f’Malta jagħmlu t-tranżazzjonijiet bankarji tagħhom. Huwa faħħar l-osservanza stretta mill-HSBC Malta tad-direttivi maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa fil-ġlieda kontra din il-pandemija, anki jekk dan fisser bidla drastika fil-proċeduri operattivi standard – li bla dubju ġabet ukoll spejjeż konsiderevoli u, possibbilment, anki inkonvenzjenza għall-klijenti. Madankollu, dawn l-inizjattivi ttieħdu biex jipproteġu lill-klijenti u lill-impjegati. F’dawn l-aħħar xhur, l-importanza mogħtija lill-benesseri tal-impjegati tal-bank kienet kruċjali wkoll, mhux biss billi ġiet imħarsa s-saħħa tagħhom iżda wkoll permezz ta’ metodi ta’ ħidma alternattivi bħax-xogħol mid-dar.

Il-President esprima wkoll l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ konsistenti li HSBC Malta jagħti lill-Malta Community Chest Fund Foundation u lil organizzazzjonijiet filantropiċi oħrajn. F’isem il-mijiet ta’ benefiċjarji u l-familji tagħhom, irringrazzja lill-bank għall-appoġġ li b’ġenerożità dejjem ta matul is-snin.

Iċ-Chairman tal-bank, John Bonello, u l-Kap Eżekuttiv, Simon Vaughan Johnson, laqgħu lill-President, dawwruh madwar il-fergħa, u laqqgħuh mal-persunal. Kienu preżenti wkoll membri tal-bord tal-HSBC Bank Malta p.l.c..

Share With: