Il-PN iħabbar li se jvara għadd ta’ proposti rigward is-saħħa mentali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, irid jindirizza l-problema billi jeduka lit-tfal

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’intervista fil-Mellieħa ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jagħmel għadd ta’ proposti li jindirizzaw il-problema fil-qasam tas-saħħa mentali f’pajjiżna. Grech sostna li s-saħħa mentali hija l-aktar ħaġa importanti bħalissa minħabba li l-pandemija tal-Covid-19 wessgħet ħafna din il-marda. Bħala partit, il-PN se jiffokaw fuq l-edukazzjoni dwar is-saħħa mentali bil-għan li minn ċkunithom it-tfal ikunu jafu kif jindirizzaw problemi relatati.

Bernard Grech esprima tħassib fil-qasam tas-saħħa mentali minħabba l-kriżi li ninsabu fiha tal-pandemija fejn qal li barra li hemm persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni minħabba li hija ereditarja jew ikkawżata minn elementi oħra, hemm ħafna nies li għandhom għejja mentali li tista’ twassal għal affarijiet oħra.

Filwaqt li qal li huwa wkoll, bħal ħafna persuni oħra, huwa mdejjaq minħabba s-sitwazzjoni li ninsabu fiha tal-Covid-19, sostna li s-saħħa mentali skont l-esperti tista’ tkun l-epidemija tal-futur. Il-Kap tal-Oppożizzjoni jemmen li apparti li għandu jkollna l-Isptar Monte Carmeli aħjar, huwa importanti li jkun hemm għajnuna li tingħata mhux neċessarjament fl-istrutturi. 

“Irridu nsaħħu dik it-tip ta’ għajnuna. Irridu nieħdu din il-kwistjoni bis-serjetà u nagħtu d-dinjità tan-nies milquta. Jien nassigura li din hija ħaġa li hija għall-qalbi u li se nindirizzawha fil-ġimgħat li ġejjin,” wiegħed Grech. 

Fost il-mistoqsijiet li sarlu l-Kap tal-PN tal-viżjoni tiegħu dwar il-futur tas-settur artistiku f’Malta fejn qal li minkejja dawn ma kienux l-ewwel prijorità ta’ dan il-partit, qal li ladarba jkun fil-Gvern irid li jkun hemm Ministru tal-Isports. Huwa, bħala partit, irid iwassal il-messaġġ li l-arti se tkun fuq l-aġenda tagħhom u li l-artisti jkollhom l-opportunità u l-għajnuna biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Huwa qal li jrid lil dan is-settur jikber u Malta ssir ċentru tal-arti u l-kreattività fuq livell Ewropew.

Barra minnhekk, Grech indirizza l-kwistjoni tal-ħlasijiet ta’ taxxi mill-NGOs u l-għaqdiet volontarji fejn qal li jaqbel li jridu jkunu suġġetti għal-liġi iżda talab li r-regolamenti ma jsirux b’tali mod li jkissru liż-żgħar. Dan billi jaraw x’eċċezzjonijiet jistgħu jsiru biex l-organizzazzjonijiet iż-żgħar ikunu jistgħu joperaw aħjar mingħajr ma jitgħabbew b’piż li ma jifilħux.

Mistoqsi dwar id-drittijiet tar-refuġjati u l-immigranti rregolari, il-Kap tal-PN qal li, “dan huwa suġġett delikat ħafna u naqblu li persuna għandha tkun sigura u li nħarsu l-ħajja tagħha. Imma, kollox jiġi bi prezz… u dawn huwa s-sigurtà. Li jkollok 10 persuni deħlin mod u elf mod ieħor. Gvern serju jħares li jsegwi l-liġijiet internazzjonali u nifhmu li għandna nsalvaw imma rridu anke nħarsu s-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi”. Huwa qal li ħafna drabi nkunu aħna li nagħmluhom u nħarsu lejhom bħala problema minħabba stigma iżda jemmen li l-Maltin irid ikollhom moħħhom mistieħ għax mhux kulħadd għandu l-istess ħsibijiet, “b’mod speċjali fir-rigward ta’ persuni mill-Afrika”. 

Huwa temm jgħid li bħala Prim Ministru se jimxi skont il-liġijiet internazzjonali u li żgur li m’huwiex se jħalli lil xi pajjiż kbir jibbuljah fir-rigward.

Share With: