Il-PM iqajjem każ ta’ ksur ta’ privileġġ kontra The Shift News

Il-Whip tal-Gvern Glen Bedingfield, f’isem il-Prim Ministru, qajjem każ ta’ ksur ta’ privileġġ kontra l-portal The Shift News wara li għamel akkużi serji fil-konfront tal-PM u l-Kamra tar-Rappreżentanti.

Bedingfield kien qed jirreferi għal rappurtaġġ li tellgħet fuq is-sit tagħha fejn qed tgħid li “Prime Minister Robert Abela misled Parliament on expenditure on public relations firms.”

Huwa qal li f’mistoqsija parlamentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Prim Ministru kien wieġeb korrettament u għalhekk din l-istorja hi malizzjożament intenzjonata biex tpoġġi lill-PM f’dawk ikrah.

“Jekk il-portal għandhom diffikultà biex jaqraw bil-Malti, nistedinhom jaqraw sew il-mistoqsija imma jaqraw ukoll sew it-tweġiba li ta l-uffiċċju tal-PM. Huma ma staqsewx dwar l-uffiċċju tal-PM per se imma l-mistoqsija kienet dwar l-entitajiet u d-dekasteri. Issa hija prassi li l-PM jista’ jwieġeb għal dak li għandu taħtu llum mhux dak li kellu qabel. Dan l-artiklu mhux veritier, huwa intenzjonat biex jagħmel ħsara għall-ġieħ tal-PM li kien qed jaqdi d-doveri tiegħu meta wieġeb korrettament għall-mistoqsija li saritlu mill-Onor. Azzopardi. Għalhekk nitlob li dan il-każi jkun investigat, issir ratifika u li jkun investigat abbażi ta’ ksur ta’ privileġġ,” qal Bedingfield.

Share With: