Il-PB GROUP jaħtar Kap Eżekuttiv ġdid

Il-kumpanija żżid l-għadd ta’ impjegati b’25% fl-ewwel tlett xhur tal-2021

Il-PB Group għadu kemm ħatar lil David Raphael Busuttil bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid. David se jkompli fuq il-ħidma ta’ John Naudi, il-fundatur tal-kumpanija li issa qed jassumi l-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv.

Fir-rwol tiegħu, David se jkun qed imexxi l-Management Eżekuttiv tal-Grupp li jinkludi lil Roger Calleja bħala Chief Operations Officer, Lucianne Spiteri Gonzi bħala Financial Controller u Ronald V. Baker bħala Chief Business Development Officer.

Imwaqqfa fl-2008 bħala PBSERV Ltd, il-kumpanija twaqqfet sabiex tispeċjaliżża f’prodotti u servizzi ta’ inġinerija fl-industrija taż-żejt u l-gass. Illum, il-Grupp kompla jikber fil-qasam tal-loġistika, l-inġinerija u servizzi tekniċi u jopera f’għadd ta’ territorji fir-reġjun Afrikan.

“Fi żmien daqshekk kritiku meta l-kumpaniji, l-imprendituri u dawk li jmexxu n-negozju, iridu jibqgħu b’għajnejhom miftuħin, sodi u jibqgħu jimplimentaw il-bidliet sabiex jikbru u jibqgħu innovattivi, ninsab entużjast li qed ningħaqad ma’ PB Group fejn diġa sibt tim dinamiku, motivat u ffukat sabiex jikseb ir-riżultati meħtieġa. Huwa wkoll ta’ privileġġ li qed insib l-appoġġ ta’ bord ta’ professjonisti ta’ esperjenza,” qal David Raphael Busuttil.

David spjega kif it-tkabbir kontinwu li bih il-Grupp għalaq is-sena li għaddiet, kompla jżid il-ħtiġijiet operattivi u b’konsegwenza, wassal biex il-kumpanija żiedet l-għadd ta’ impjegati tagħha b’25% matul l-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena.

“L-ewwel ftit ġimgħat tiegħi għaddejthom nifhem l-għanijiet u l-valuri strateġiċi tal-Grupp biex niżgura li kulħadd ikollu l-istess viżjoni. Ir-rwol tiegħi issa se jkun li nżomm il-kumpanija allinejata mas-suq fil-kontinent Afrikan fejn il-potenzjal tat-tkabbir huwa l-ogħla. Fil-fatt, diġà ninsabu preżenti f’xi tnax-il suq Afrikan, swieq li huma attivi ħafna, u qed nippjanaw li nkopru aktar territorji fil-futur. Fl-istess ħin qed nistennew żvilupp tas-setturi l-oħra tal-grupp tagħna, jiġifieri aktar tkabbir tal-qasam tal-loġistika u tal-proprjetajiet ta’ lussu tagħna,” żied jgħid.

F’kumment dwar il-ħatra l-ġdida, John Naudi spjega kif din l-industrija tirrikjedi investimenti infrastrutturali b’ħafna ppjanar u deċiżjonijiet bir-reqqa.

“Fil-PB Group napprezzaw iż-żmien li hemm bżonn biex niżviluppaw territorji ġodda u l-preżenzi li għandna llum ġejjin minn ħafna xogħol u investiment f’ħin u riżorsi tul medda ta’ snin. Nilqgħu lil David magħna bħala l-Kap Eżekuttiv ġdid tal-Grupp li bl-esperjenza u l-passjoni tiegħu, ċert li se jmexxi lill-kumpanija fid-direzzjoni strateġika t-tajba,” qal John Naudi.

Share With: