Il-MPE Alex Agius Saliba bi protezzjoni għat-twassil ta’ servizzi essenzjali permezz ta’ leġiżlazzjoni ġdida tal-UE

Il-MPE Alex Agius Saliba qed jaħdem fuq direttiva ġdida biex jiżgura l-kontinwità u t-twassil ta’ servizzi essenzjali fl-Unjoni Ewropea f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, pandemiji, jew kwalunkwe diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem u attakki terroristiċi.

L-elettriku, l-ilma, it-trasport u l-kura tas-saħħa huma kollha setturi u servizzi essenzjali li jaffettwaw l-għajxien taċ-ċittadini kollha. It-theddid għal dawn is-servizzi qiegħed jevolvi b’rata mgħaġġla u qed isir dejjem aktar kumpless. Il-pandemija tal-COVID-19, pereżempju, uriet il-vulnerabbiltà ta’ dawn is-setturi u l-interdipendenza bejn il-pajjiżi li dejjem qed tiżdied.

“Jekk irridu niżguraw li ċ-ċittadini u l-infrastrutturi tagħna jkunu sikuri u protetti, jeħtieġ li nkunu mħejjija aħjar u nirreaġixxu malajr għal kwalunkwe tfixkil, inċidenti u kriżi potenzjali bħall-pandemija attwali. Katina hija b’saħħitha daqs l-aktar ħolqa dgħajfa tagħha, u l-isptarijiet, l-iskart, is-sistemi tal-ilma, jew l-infrastruttura tal-elettriku u t-trasport tagħna m’għandhomx ikunu dik il-ħolqa.”, qal il-MPE Laburista.

Bħala r-Rapporteur għall-Kumitat tas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, Agius Saliba se jaħdem fuq direttiva ġdida tal-UE li għandha l-għan li tindirizza kwalunkwe dgħufija potenzjali li tista’ tfixkel it-twassil ta’ dawn is-servizzi vitali. Id-Direttiva se tissalvagwardja l-protezzjoni u l-kontinwità tal-provvista ta’ dawn is-servizzi, sabiex tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u l-benesseri tan-nies, anke fi żmien ta’ kriżi. Tfixkil f’parti waħda tal-Unjoni jirriskja li jaffettwa l-forniment ta’ servizzi essenzjali x’imkien ieħor. Il-pressjoni fuq is-settur tas-saħħa minħabba l-pandemija tal-COVID-19, pereżempju, wasslet għal miżuri madwar l-UE li jillimitaw il-mobilità li kellhom impatt fuq l-operaturi tat-trasport u setturi oħra bħall-agrikoltura, it-turiżmu, l-ivvjaġġar, l-elettriku u n-netwerks tal-Internet.

Eżempju ieħor mogħti minn Alex Agius Saliba kien il-kollass tal-pont ta’ Ġenova fl-2018, li fixkel il-flussi tat-trasport bejn Ġenova u bliet ewlenin oħra fl-Ewropa u kkawża ħsarat li ammontaw għal EUR 360 miljun għal aktar minn 2,000 kumpanija.

“Bin-natura tat-theddid li qiegħda dejjem tinbidel u bl-interkonnessjoni bejn is-servizzi jeħtieġ li nassiguraw li jkollna protezzjoni aħjar u aktar kapaċitajiet ta reżiljenza. Dan huwa saħansitra aktar rilevanti għall-gżejjer jew l-Istati Membri ż-żgħar, bħal Malta, li ħafna drabi jkollna niddependu fuq servizzi u oġġetti mwassla mill-Istati Membri l-oħra,” qal il-MEP Alex Agius Saliba. Huwa għamel referenza għall-qtugħ tal-elettriku f’pajjiżna fl-2019, li wassal għal qtugħ totali tal-elettriku fid-djar, negozji, u fabbriki kollha u kkawża kaos fit-toroq f’siegħat ewlenin. Il-kawża kienet interruzzjoni fil-forniment tal-elettriku minn Sqallija għal Malta, li juri biss li relazzjonijiet interdipendenti bejn is-setturi, inklużi dawk f’pajjiżi oħra, huma kruċjali.

Alex Agius Saliba kkonkluda billi qal li bħala rapporteur tal-Kumitat tas-Suq Intern, huwa se jipprova jiżgura li dawn is-servizzi kruċjali jkunu reżiljenti kontra kwalunkwe riskju, inċident, u pandemiji bħal dak li qed nesperjenzaw illum sabiex flimkien inkunu nistgħu nissalvagwardjaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-għajxien ta’ dawk li jgħixu fl-Ewropa.

Share With: