Il-mara li tispijja mit-tieqa

The Woman In The Window

Dan it-thriller hu ispirat minn best seller miktub minn A.J. Finn.  Fir-realtá, isem l-awtur Amerikan hu Daniel Mallory.  

In-narrattiva ta’ “The Woman in the Window” ma tantx hi oriġinali.  Ifakkrek ħafna f’wieħed mill-films klassiċi ta’ Alfred Hitchcock, “Rear Window” (1954).  James Stewart għandu l-parti tal-fotografu professjonali li kiser saqajh f’aċċident.  Billi kellu joqgħod ġewwa fl-appartament tiegħu f’New York, huwa kien joqgħod jispijja fuq il-ġirien mit-tieqa ta’ wara ta’ l-appartament.  Darba, huwa jinnota li wieħed mill-ġirien seta’ qatel lill-martu.  

F’“The Woman In The Window” (Netflix: 15), il-protagonista hi Anna Fox (Amy Adams) li tkun issofri mill-ansjetà magħrufa bħala agorafobja – fejn il-persuna tipperċepixxi li l-ambjent li tkun fih hu perikoluż u ma tistax taħrab minnu.

Anna tkun qedgħda tgħix waħedha f appartament f’New York u biex tgħaddi l-ħin, hi tixrob u tispijja fuq il-ġirien tagħha.  Tinbet ħbiberija ma’ waħda mill-ġirien, li tgħid li jisimha Jane Russell (Julianne Moore).

Darba, Anna tinnota mit-tieqa tagħha, lil Jane tiġi maqtula. Anna ssejjaħ lill-pulizija.  L-affarijiet jikkumplikaw irwieħhom meta d-detektiv iġib ir-raġel ta’ Jane, Alistair Russell (Gary Oldman), li jinsisti li xejn ma ġara milli qegħda tgħid Anna.  Ma’ Alistair titfaċċa wkoll mara differenti, li tgħid li jisimha Jane (Jennifer Jason Leigh).

Id-direttur hu l-Ingliż Joe Wright, magħruf għal mod kif jadatta kotba letterarji għal fuq l-iskrin (“Pride and Prejudice” u “Atonement”).  F’intervista, Wright sostna li dejjem xtaq jaħdem thriller u dan il-ktieb pġartikolari nteressah għax jitratta suġġett fejn hu mibni fuq id-differenza mċajpra bejn “realtà perċettibbli, l-verità u l-gideb li ngħidu lilna nfusna biex noħolqu realtà kif irriduha aħna”

Spiral: The Book of Saw

Is-sensiela ta’ films tal-orrur “Saw” bdiet fl-2004.  Sal-2010 kien joħroġ film fis-sena.  Wara l-2010 kellhom jgħaddu seba’ snin biex ħareġ it-tmien film “Jigsaw”.

Issa daħal l-attur Chris Rock biex jagħtiha nifs ieħor ġdid lil din is-sensiela li jsostni li hu ilu jsegwiha sa mill-ewwel film.  Kien dan l-attur li ħareġ bl-idea għal dan il-film.  L-idea ingħoġbot.  Għalhekk ingħata l-inkarigu ta’ Executive Producer u l-parti prinċipali tad-detektiv Ezekiel Banks.

Missier, Ezekiel ikun  Marcus (Samuel L. Jackson).  Dan ukoll ikun pulizija veteran u wieħed rispettat.  Is-sieħeb fuq ix-xogħol ta’ Ezekiel hu William (Max Minghella).  Huma jieħdu f’idejhom l-investigazzjoni ta’ siensiela ta’ delitti makabri.  B’mod misterjuż, Ezekiel isib ruħu fiċ-ċentru tal-logħba makabra li jkun qed joħloq il-qattiel.

Id-direttur ta’ “Spiral” (Lionsgate: 15) hu Darren Lynn Bousman, li diġa dderieġa tliet films oħra mis-sensiela ta’ “Saw”, li kienu: l-ewwel sequel, it-tielet u r-raba’.

Finding You

F’din id-drama romantika, il-vjolinista Finley Sinclair (Rose Reid) ma’ jkollix xorti waqt audition f’konservatorju prestiġjuż f’New York.  Finley tiddeċiedi li tmur l-Irlanda biex tkompli tistudja u hemmhekk ħajjitha tieħu xejra oħra.

Waqt li tkun għadha fuq l-ajruplan, Finley tiltaqa’ ma’ l-attur popolari Beckett Rush (Jedidiah Goodacre) li kien sejjer l-Irlanda biex ikompli jaħdem il-parti li għamlitu popolari ġo film medjovali.  

Mill-mument li jsiru jafu lil xulxin, l-imħabba tkun evidenti li feġġgħet bejniethom.  Beckett jgħin lil Finley tiskopri min verament hi u jittrasforma l-istil ta’ mużika li ddoqq u anke kif tħares lejn il-ħajja.  Mill-banda l-oħra, Finley tgħin lil Beckett isib dak il-kuraġġ li jmur lil hinn mill-image li kellu ta’ idolu maż-żgħażagħ u jsegwi l-vera passjoni kellu f’qalbu.

Sadanittant, ir-relazzjoni ta’ bejniethom tiffaċċja dilemma u Finley trid tiddeċiedi kemm kienet lesta tissogra għal din l-imħabba.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Brian Baugh, f’“Finding You” (Roadside Attractions: 12A) tidher ukoll l-attriċi veterana Vanessa Redgrave li għandha 84 sena.  Ħafna minn dan il-film inħadem fl-Irlanda.

Share With: