“Il-kura tat-tfal saret responsabbiltà wkoll tal-Istat”

Il-permanenza tal-care orders u t-telfa tad-dritt bħala ġenituri… 

Miktub minn Carmen Cachia; Ritratt: Alan Saliba

Ir-rwol tal-ġenituri, l-obbligi u d-drittijiet tagħhom illum il-ġurnata m’għadhomx dawk li kienu. Dan minħabba li ċ-ċirkostanzi u s-sitwazzjonijiet fis-soċjetà tagħna qegħdin dejjem jinbidlu. Bejn separazzjonijiet mimlija kwistjonijiet, atteġġjament irresponsabbli minn xi ġenitur, kif ukoll it-tisħiħ tad-drittijiet u ż-żieda fis-servizzi għall-protezzjoni tat-tfal, qegħdin naraw kif il-kura “proprja” tat-tfal fl-aħħar mill-aħħar waqgħet, “ittieħdet”, jew aħjar, saret, responsabbilità wkoll tal-Istat. Dan qiegħed isir fl-aħħar mill-aħħar fl-aħjar interess tat-tfal milquta.

Dan il-fatt ġie kkonfermat mill-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, fejn f’intervista ma’ L-ORIZZONT qal li llum il-ġurnata d-Direttur tal-Ħarsien u l-Protezzjoni tal-Minuri għandu poteri kbar u responsabbiltajiet akbar. Huwa spjega kif il-care order mhijiex dejjem is-soluzzjoni iżda, f’ċirkostanzi serji fejn hemm negliġenza fil-konfront tal-minuri, abbuż jew vizzji minn ġenitur, dan tal-aħħar jitlef id-dritt fuq it-tfal u ma jkunx hemm għażla oħra ħlief li d-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri fi ħdan l-FSWS imur il-Qorti u jitlob li tinħareġ il-care order.

Dan isir permezz ta’ dik li nsejħula l-permanenza tal-ordnijiet ta’ kura jew kif inhuma aktar magħrufa – il-care orders. Grixti qal li f’każijiet fejn hemm nuqqas ta’ ħiliet (parental skills), huma jippruvaw jgħallmu lill-ġenituri kif jieħdu ħsieb lit-tfal, mentri f’każijiet ta’ abbuż minn droga, alkoħol, swat jew ta’ natura sesswali, joħorġu care orders b’saħħithom.

Dan id-Direttorat, jew kif inhuwa magħruf iċ-Child Protection Service, sostna Grixti, “jirċievi medja ta’ elf każ fis-sena li jinvestigawhom kollha. Allaħares noħorġu 1,000 care order, imma prattikament it-tfal fil-homes, huma kollha hekk”. 

Kulma jsir, isir fl-aħjar interess tat-tfal

“Aħna dejjem nippruvaw u nagħmlu minn kollox biex nirrintegraw lit-tfal mal-familji bijoloġiċi tagħhom. Imma, f’każ fejn ġenitur ma jikkoperax jew ma jaħdimx fuq il-problemi li għandu, ikun hemm infurzar bil-care order. Iva, huwa għalhekk li t-tfal illum il-ġurnata huma aktar tal-Istat milli tal-ġenituri,” spjega l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS.

Fost aġenziji u servizzi għat-tfal, Malta hija firmatarja tal-United Nations Charter on the Rights of the Child (UNCRC) u għandna l-liġi l-ġdida – il-famuża “602”. Din hija l-Att tal-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv) u tagħti lok għal permanenza fejn meħtieġ wara li joħroġ care order. F’każijiet bħal dawn, wara li jkun ippruvat minn kollox biex tittranġa s-sitwazzjoni, l-awtoritajiet ikollhom jieħdu  azzjoni konkreta. Grixti ġab żewġ eżempji – dak fejn jidħol abbuż ta’ alkoħol u l-ieħor fejn ikun hemm abbandun ta’ minuri. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS qal li, “f’każ ta’ alkoħol, isir l-ewwel pjan ta’ kura li permezz tiegħu l-ġenitur irid jaħdem taħt il-gwida u l-għajnuna tal-professjonisti biex jegħleb il-problemi tiegħu. Ġenerlament tkun indikata terapija li trid medja ta’ sentejn biex tħalli r-riżultat tagħha.  Jekk il-ġenituri ma jżommux mal-parti tagħhom ta’ dan il-pjan ta’ kura, id-Direttorat jibda l-proċess lejn permanenza fil-fostering li eventwalment tista’ ssir anke każ ta’ adozzjoni. Il-liġi tagħtina l-fakultà li nagħmlu pjan ta’ permanenza. F’każi ta’ abbandun, imbagħad, immorru għal permanenza mill-ewwel”.

Huwa qal li hemm każijiet fejn mill-care order it-tfal ikunu jistgħu jikkwalifikaw għal adozzjoni, speċjalment fejn ikun ċar li m’hemmx tama ta’ re-integrazzjoni mal-familja bijoloġika. Grixti qal li min-naħa tagħhom iridu jipperswadu lill-Qorti li trid issir dik id-deċiżjoni u mbagħad il-ġenituri m’għandhomx dritt li joġġezzjonaw. 

“Din hija bil-liġi. F’każi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni jew progress, hekk isir u dan ikunu ġabuh b’idejhom. Aħna naraw li nippruvaw kemm jista’ jkun li t-tfal jibqgħu mal-familji bijoloġiċi tagħhom imma mbagħad fejn irridu mmorru għall-permanenza, ħa ngħiduha ċara u tonda, din issir. Din hija r-raġuni għala naqligħuha mingħand kulħadd… mingħand il-foster carers u mill-familja naturali, imma dan huwa sinjal li qegħdin nagħmlu xogħlna sew,” temm Alfred Grixti. 

Share With: