Il-Kumpanija tal-Manifattura Toly se tinvesti iktar minn €3 miljun f’operat sostenibbli

Minkejja l-pandemija, il-kumpanija tal-manifattura Toly Products Ltd qed tinvesti sabiex l-operat tagħha jkun aktar sostenibbli hekk kif issa qed tibda tirkupra mit-tnaqqis li ġabet magħha l-pandemija.

Matul il-pandemija, Toly irċeviet għajnuna finanzjarja tal-Covid Wage Supplement amministrat mill-Malta Enterprise u għaldaqstant il-kumpanija kkonfermat li fix-xahar ta’ April irreġistrat żieda fil-bejgħ u qed ikun previst li tkompli tilħaq il-miri  tagħha fit-tieni parti tas-sena. Toly qed tippjana biex tkompli tinvesti iktar minn €3 miljun għall-erba’ snin li ġejjin biex tkompli tkun sostenibbli fl-operazzjonijiet tagħha.

Wara ż-żjara mill-Ministru għal Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, il-kumpanija spjegat kif qed taħdem biex tnaqqas l-emissjonijiet u tipproduċi prodotti ta’ kwalità minn materjal li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

“Il-kumpanija Toly hija eżempju ieħor kif kumpaniji Maltin għandhom jkunu reżiljenti, biżlin u determinati. B’dan il-mod il-kumpanija tkun ta’suċċess, u tkompli tikber biżżejjed biex tkun kompetitur b’saħħtu fi swieq internazzjonali. Din hija l-abilità li aħna nixtiequ nkomplu ninkoraġġixxu”, qalet il-ministru.

Innotat ukoll kif l-investiment li sar mill-kumpanija Toly fl-operat aktar sostenibbli għen lil Toly tikber u tiddiversifika ruħha.

“Fis-suq hemm domanda għall-prodotti riċiklati u prodotti li jistgħu jiġu riċiklati. Bħal Toly, jien ninkoraġġixxi lill-kumpaniji biex ikomplu jħarrġu u jedukaw lill-impjegati, klijenti u stakeholders u jkomplu jkunu innovattivi f’din ir-realtà ġdida”, stqarret il-Ministru Miriam Dalli.

Il-kumpanija qed tħares sabiex il-proċessi u l-prodotti tagħha ikunu aktar sostenibbli. Minbarra li qed tkompli tinvesti fl-aħħar teknoloġija, Toly qed tuża kunċetti bħal geo-thermal biex tkessaħ il-magni u l-forom tal-prodotti. Il-kumpanija qed tiffoka fuq il-proċess tal-immaniġġjar tal-iskart. Sħana li tinħareġ mill-apparat li jkessaħ, qed terġa’ tiġi użata fi proċessi li jirrikjedu sħana, waqt li skart tal-ilma qed jintuża biex ikessaħ.

Fl-erba’ snin li ġejjin, Toly se tkun qed tinvesti sabiex tbiddel il-magni tagħha għal dawk li jaħdmu bl-elettriku.

Il-ministru faħħret lill-kumpanija għall-impenn tagħha lejn l-iżvilupp sostenibbli. Fil-fatt, mis-sena 2019, Toly Group beda jirrapporta l-użu tal-emissjonijiet tal-karbonju u jaqsamhom permezz ta’ Carbon Disclosure Project.

“B’investiment ta’ €500,000 qed nippjanaw biex ninstallaw pannelli fotovoltajiċi fuq is-soqfa biex inkunu nistgħu niġġeneraw iktar minn 400KwH f’enerġija”, qal iċ-Chairperson u Kap Eżekuttiv tat-Toly Andy Gatesy. Dan l-investiment se jkun qed  jilħaq 20% tad-domanda għall-enerġija tal-kumpanija u se jirriżulta f’nuqqas ta’ 2,000 tunellata f’emissjonijiet CO2.

Wara li semgħat mill-klijenti u l-konsumaturi  rigward prodotti sostenibbli, il-kumpanija Toly ttestjat 19-il materjal li huma riċiklabbili, għandhom materjal riċiklat, jew huma bijoloġiċi jew bijodegrabbli.

Il-ministru kienet akkumpanjata mis-CEO ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia u ċ-Chairman William Wait.

Share With: