Il-katavru ta’ Lassana Cisse… meta se jintbagħat lura?

Fil-Parlament tqajmet il-kwistjoni tal-fatt li l-katavru ta’ Lassana Cisse li kien inqatel f’Ħal Far, fi qtil razzista, għadu f’pajjiżna u ma ntbagħtx lura f’pajjiżu biex issir id-difna mill-qraba.

Kien id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea li staqsa dwar dan u x’progress x’sar biex  il-katavru jintbagħat għand il-familja tiegħu ġewwa l-Kosta tal-Avorju biex ikunu jistgħu jagħmlu d-difna wara aktar minn sentejn mill-qtil barbaru tiegħu.

Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri qal biss li “l-Gvern ikkommetta ruħu li jħallas l-ammont sabiex il-katavru tal-vittma jiġi trasportat lura lejn pajjiżu u dan jinkludi t-trasport lejn il-post tad-difna, permessi u ħlas tal-kamra mortwarja. Il-Gvern ser ikopri wkoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tar-rappreżentant tal-familja li ser jakkumpanja l-katavru minn Malta. Il-familja ingħatat assigurazzjoni li dawn ser jitħallsu f’Marzu 2020. Minkejja diversi emails mibgħuta mill-Ministeru lir-rappreżentant tal-familja fl-aħħar sena, l-awtoritajiet għadhom bla risposta rigward data għat-trasferiment tal-katavru.”

Qal li “madanakollu ma kienx hemm żviluppi ġodda wara li ngħatat t-tweġiba parlamentari, dan għad illi r-rappreżentanti tal-familja reġgħu ġew ikkuntattjati għal darb’oħra.”

Share With: