Il-ġimgħa li għaddiet l-Indja kellha total ta’ 46% tal-każi globali tal-Covid-19

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li matul il-ġimgħa li għaddiet l-Indja rreġistrat kważi n-nofs tal-każijiet kollha ta’ Covid-19 li kien hemm fid-dinja, dan filwaqt li fl-aħħar sigħat tilfu ħajjithom 3,780 persuna oħra kawża ta’ dan il-virus. 

Fir-rapport li l-WHO qiegħda toħroġ ta’ kull ġimgħa dwar il-pandemija joħroġ li matul il-ġimgħa li għaddiet l-Indja kellha 46% tal-każi globali ġodda ta’ Covid-19 fil- waqt li kellha 25% tal-imwiet globali. 

Matul il-ġurnata tal-bieraħ, dan il-pajjiż irreġistra 382,315 każ ġdid u b’hekk issa l-Indja ilha 14-il jum konsekuttiv tirreġistra iktar minn 300,000 każ ġdid kuljum. Din iż-żieda sostanzjali fil-każijiet wasslet għal kollass fis-sistema tas-saħħa hekk kif l-isptarijiet ma baqgħal- homx sodod vojta kif ukoll lanqas għandhom biżżejjed provvista ta’ ossiġnu. Apparti hekk il-krematorji lanqas jistgħu jlaħħqu. Sfortunatament ħafna kienu dawk li spiċċaw mietu fl-ambulanzi jew fil-
parkeġġ tal-karozzi barra l-bini tal-isptar hekk kif kienu qed jistennew għal sodda jew għall-ossiġnu.

Il-gvern tal-PM Narendra Modi ġie kkritikat bil-bosta għal dan kollu hekk kif ħafna qalu li aġixxa tard biex jikkontrolla it-tieni mewġa. Ħafna kkritikaw l-fatt li ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi u anke attivitajiet politiċi saru mingħajr l-ebda restrizzjonijiet u dan wassal biex il-virus infirex bla kon- troll. 

L-awtur magħruf Indjan Arundhati Roy f’kolonna li kiteb f’ġurnal lokali qal li, “aħna rridu gvern. Disperament. M’għandniex wieħed. Qed nispiċċaw bla arja. Qed immutu…” 

Fl-aħħar sigħat, żewġ ferroviji mimlija bi provvista ta’ ossiġnu waslu fil-kapitali Delhi filwaqt li 25 ferrovija oħra waslu f’partijiet oħrajn tal-Indja. Il-gvern Indjan qal li hemm biżżejjed provvista ta’ ossiġnu min-naħa tal-fabbriki iżda minħabba problemi fit-trasport dawn qegħdin idumu biex jaslu fid-destinazzjoni.

Share With: