Il-festi ma jistgħux isiru bil-mod tradizzjonali għalissa

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jibdew diskussjonijiet ma’ dawk involuti fl-attivitajiet tal-massa fosthom l-awtoritajiet tal-Knisja f’Malta u d-dilettanti tal-festi biex dawn ma jsirux bil-mod tradizzjonali.

Fearne qal li dawn il-festi jitqiesu bħala attivitajiet li jinvolvu ċertu ammont ta’ persuni u dawn l-attivitajiet għadhom mhumiex skedati li jiġu aċċettati għalissa. Minkejja li kkonferma li għad m’hemmx data meta dawn l-attivitajiet tal-massa se jiġu aċċettati huwa għamilha ċara li żgur li mhumiex se jsiru sal-bidu tas-sajf.

Huwa qal li l-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu qed janalizzaw l-andament tal-pandemija fid-dawl tar-rilaxx ta’ dawn il-miżuri. Qal li l-Gvern mhux mgħaġġel biex jagħmel l-attivitajiet tal-massa u dan hekk kif mossa qabel il-waqt tista’ tfisser li mmorru lura għal xhur ta’ ħidma.

B’rabta ma’ dawn l-attivitajiet tal-massa, Fearne qal li ladarba tittieħed iddeċiżjoni li dawn jibdew jiġu aċċettati, se jkun importanti li dawk li jattendu jkollhom iċ-ċertifikat tat-tilqim.

Share With: