Il-biljunarju Bill Gates iħabbar li se jiddivorzja wara 27 sena żwieġ

Il-benefatturi u biljunarji Bill u Melinda Gates, ko-fundaturi ta’ waħda mill-akbar fondazzjonijiet ta’ karità fid-dinja, il-bieraħ ħabbru li se jiddivorzjaw wara li kienu ilhom miżżewġin għal dawn l-aħħar 27 sena. Din l-aħbar mhux mistennija wasslet għal ħafna mistoqsijiet iżda l-koppja famuża wegħdet li se tkompli x-xogħol tagħha fil-qasam filantropiku, flimkien.

Il-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates saret waħda mill-aktar forzi qawwija fil-qasam tas-saħħa globali fejn intefqu aktar minn $50 biljun f’dawn l-aħħar 20 sena. L-għan ta’ dan il-Fondazzjoni huwa li jintegra n-negozji fil-ġlieda kontra l-faqar u l-mard.

Il-koppja Gates taw appoġġ qawwi fl-edukazzjoni dwar il-Malarja u l-Polio, dwar dieta bilanċjata u nutrijenti lit-tfal, kif ukoll fil-qasam tat-tilqim preventiv. Is-sena l-oħra l-Fondazzjoni tagħhom tat madwar $1.75 biljun bħala għajnuna fil-kriżi tal-Covid-19.

F’ittra ffirmata miż-żewġ naħat kien iddikjarat li l-koppja ma tistax tibqa’ flimkien minħabba li ż-“żwieġ huwa mkisser kompletament” u li ftiehmu kif se jaqsmu l-assi matrimonjali tagħhom.

Bill Gates għandu 65 sena u huwa l-ko-fundatur tal-Microsoft Corp. (MSFT.O). Melinda French Gates li għandha 56 sena, iltaqgħet miegħu meta daħlet taħdem fi rwol maniġerjali fil-kumpanija ġganteska. Huma għamlu ftit snin għerusija sakemm f’Jannar tal-1994 iżżewġu fil-Hawaii.

Fi stqarrija konġuta fuq Twitter il-koppja qalu li, “wara li għamilna perjodu ta’ riflessjoni u ħidma biex ir-relazzjoni tagħna tirnexxi, wasalna għad-deċiżjoni li ntemmu ż-żwieġ tagħna. M’għandniex inħossu li nistgħu nikbru flimkien bħala koppja fil-fażi li jmiss ta’ ħajjitna. Nitlobu rispett għall-privatezza tagħna u tal-familji tagħna issa li se nippruvaw nibdew kapitlu ġdid f’ħajjitna”.

Share With: