Iktar inizjattivi favur il-protezzjoni marittima

Qed tkompli l-ħidma kontra t-tniġġis fil-baħar, issa permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-eNGO #Żibel. 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega kif din il-kollaborazzjoni tinkludi diversi inizjattivi, fosthom l-użu u l-manutenzjoni ta’ diversi seabinssabiex ikunu jistgħu jiġu interċettati biċċiet żgħar tal-iskart u plastik li b’mod irresponsabbli jiġu mormija jew jispiċċaw fil-baħar għad-dannu tal-ispeċi u l-ekosistemi marittimi.

L-iskart li ser jinġabar mis-seabins ser jiġi analizzat u studjat fid-dettall sabiex id-data relatata tkun tista’ tintuża biex jiġu żviluppati inizjattivi ġodda ambjentali li jwaqqfu ċertu tip ta’ skart milli jispiċċa fil-baħar. 

Il-ministru tkellem dwar l-importanza li naħdmu mill-qrib ma’ diversi stakeholders u għaqdiet ambjentali għal għanijiet komuni bħas-salvagwardja tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja kif ukoll is-sigurtà ta’ setturi ekonomiċi. 

Ix-xogħol ser jinkludi diversi clean-ups fuq l-art kif ukoll clean-ups ta’ żoni protetti marittimi, monitoraġġ ta’ qiegħ il-baħar għal żoni ġodda li jistgħu jitnaddfu, ġbir ta’ materjal tas-sajd mitluf bħax-xbieki kif ukoll l-esportazzjoni ta’ materjal misjub għar-riċiklaġġ.

Il-ministru qal li l-informazzjoni li ser tinġabar minn din il-kollaborazzjoni hija kruċjali għall-poplu Malti sabiex ikompli x-xogħol siewi relatat mat-tnaqqis tal-iskart fil-baħar u biex titqajjem kuxjenza dwar il-ħsara li jagħmlu s-single-use plastics fuq l-ispeċijiet marittimi, kif ilha tisħaq il-kampanja Saving Our Blue.

Dan ix-xogħol qed jitwettaq fil-mument propizju u qed iwitti t-triq għall-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ diversi single-use plastics f’Malta minn Jannar tas-sena d-dieħla.

“Filwaqt li dawn l-inizjattivi huma eżempju ċar ta’ kif il-Ministeru għall-Ambjent qed ikompli jaħdem mal-oqsma differenti tas-soċjetà sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ambjent ta’ madwarna, il-pubbliku huwa mitlub biex jagħmel il-parti tiegħu u  jibża’ għall-ambjent marittimu li fuqu jiddependu l-ħlejjaq tal-baħar, l-ekosistemi u l-ekonomija. Importanti li l-pubbliku partikolarment iħares iż-żoni marittimi protetti fejn l-ebda tip ta’ skart m’għandu jintrema fihom,” qal il-ministru.

Il-Ministru tenna li d-dipendenza ta’ Malta fuq attivitajiet marittimi tibqa’ għolja meta kkumparata ma’ stati membri żgħar oħra fl-Unjoni Ewropea li huma gżejjer u li għalhekk għandna naraw li nużaw dan is-settur bl-aħjar mod possibbli biex jiġġenera l-ġid u x-xogħol għall-benefiċċju tal-poplu u li s-settur tal-ekonomija l-blu jammonta għal 15% tal-ekonomija Maltija u jiġġenera madwar 27,000 impjieg. Il-ministru spjega li huwa kruċjali li jinstab bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-preservazzjoni ambjentali anke għaliex dawn it-tnejn huma intrinsikament magħqudin. 

Share With: