Ikkonfermati sitt snin ħabs għal għalliem li abbuża minn student

Raġel ta’ 69 sena, li kien jgħallem l-Ingliż, se jkollu jiskonta piena ta’ sitt snin ħabs wara li nstab ħati li abbuża minn student tiegħu, bl-abbuż imur lura għall-bidu tas-snin disgħin u dam għaddej fuq perjodu ta’ ħames snin.

Alexander Giacomotto kien tressaq fil-Qorti fl-2007 mixli li kkorrompa persuna taħt l-età li kien ġie fdat lilu biex jieħu ħsiebu. Huwa kien instab ħati fl-2014 u ntbagħat piena ta’ sitt snin priġunerija, iżda appella mis-sentenza. Quddiem l-Imħallef Edwina Grima, irriżulta li l-allegat abbuż sesswali seħħ f’iktar minn okkażjoni waħda, bl-ewwel att iseħħ f’Diċembru tal-1991 u bl-aħħar każ jiġi kommess fl-1996.

Skont il-vittma, fl-ewwel każ, l-għalliem kien talbu jakkumpanjah biex jagħmel xi xiri tal-Milied u wara li lestew il-qadi ħadu fl-appartament tiegħu ġewwa l-Qawra fejn hemm urieh film pornografiku.

Minn hemm bdew l-abbużi sesswali li kienu jseħħu kemm fl-appartament ta’ Giacomotto kif ukoll fil-vettura tiegħu. Dejjem skont il-vittma, l-abbuż kien jikkonsisti f’sess orali u anali.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li Giacomotto kien iħallsu wkoll biex ma jgħid xejn u rnexxielu jikkonvinċi lill-familja tiegħu biex jibagħtuh il-privat għandu fejn kompla l-abbuż. Il-vittma kien sab il-kuraġġ li jitkellem għaxar snin wara l-aħħar att, jiġifieri fl-2006.

Wara li qieset il-provi kollha, il-Qorti osservat kif il-vittma baqa’ konsistenti fir-rakkont tiegħu dwar l-allegati abbużi. Ma nnegax li wara li seħħ l-allegat abbuż kien hemm drabi fejn iltaqa’ mar-raġel tul it-terapija li kellu jirċievi minħabba problemi psikoloġiċi li kienu żviluppaw aktar tard f’ħajtu.

Lanqas ċaħad li l-appellant offrielu l-għajnuna anke finanzjarja, li hu aċċetta. Dan seħħ fiż-żmien wara li kien ressaq i-rapport tiegħu u b’hekk il-Qorti kellha serħan il-moħħ li dawn il-flejjes ma kinux mitluba bħala xi forma ta’ rikatt. “Ma hemmx dubju li l-appellant abbuża mis-setgħa tiegħu ta’ għalliem meta stieden tifel ta’ 12-il sena sabiex jipparteċipa f’attivitajiet sesswali miegħu, bl-abbuż jinfirex fuq medda ta’ ħames snin,” tenniet il-Qorti.

Finalment, l-Imħallef Grima qalet li ma setgħetx tinjora l-effetti psikoloġiċi negattivi li kellu l-aġir ta’ Giacomotto fuq il-vittma, u fid-dawl ta’ dan kollu qablet mal-piena imposta mill-Ewwel Qorti. Kien għalhekk li l-appell ta’ Giacomotto ġie miċħud u l-piena ta’ sitt snin ħabs ġiet ikkonfermata. Il-każ kien investigat mill-Ispettur Louise Calleja. 

Share With: