Id-DPM iħabbar li pajjiżna se jkollu biżżejjed dożi biex jagħti booster lil kull min ikun hemm bżonn

Waqt id-diskors tiegħu fis-seduta parlamentari tal-lejla, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne għamel aġġornament b’rabta mas-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna. Fearne fakkar li l-mira kienet li l-herd immunity tintlaħaq sa Settembru. Aktar ’il quddiem ħabbar li din se tintlaħaq qabel il-previst bejn wieħed u ieħor sa Santa Marija. Illum huwa kkonferma li jinsab fi stat li jgħid li din se titlaħaq fil-ġimgħat li ġejjin.

Tkellem dwar il-proċess tat-tilqim u qal li pajjiżna sejjer tajjeb ħafna. Huwa qal li ninsabu biss 10 fil-mija tal-popolazzjoni bogħod milli tintlaħaq il-herd immunity. Għaddejja ħidma biex dawk ’il fuq minn 30 sena jitlaqqmu kollha. Sa issa minn dawk bejn it-30 u d-39 sena, bejn dawk li tlaqqmu u dawk li rreġistraw hemm 56 fil-mija, b’40 fil-mija minnhom li diġà tlaqqmu.

Fearne qal li l-pass li jmiss huwa li l-EMA tagħti l-awtorizzazzjoni biex ikunu jistgħu jitlaqqmu persuni bejn it-12 u 15-il sena. Sadanittant, 

“Il-pjan tagħna hu li f’dan ix-xahar stess inkunu ftaħna t-tilqim għal persuni kollha f’Malta u Għawdex li għandhom aktar minn 16-il sena. Dan ifisser li se nkunu l-ewwel pajjiż fl-UE, it-tieni wara l-Iżrael fid-dinja li se nkunu ftaħna t-tilqim għal poplu Malti u Għawdxi kollu”, tenna Fearne.

Huwa għamilha ċara li l-awtoritajiet qegħdin jistudjaw is-sitwazzjoni mill-qrib flimkien mal-ECDC, L-EMA u għaqdiet oħrajn. Hawnhekk ħabbar li jekk ikun hemm bżonn li fil-Ħarifa li ġej jingħata booster lill-anzjani u l-vulnerabbli u jekk ikun hemm bżonn il-poplu kollu, pajjiżna se jkollu l-provvista neċessarja ta’ tilqim. Huwa qal li s’issa m’aħniex fi stadju li ngħidu kemm se tkun qiegħda ddum l-immunità tal-vaċċin, iżda aċċerta lill-pubbliku inġenerali li f’każ li fi żmien tmienja jew disa’ xhur ikun hawn bżonn ta’ dan il-booster, pajjiżna se jkun preparat kif kien sa mill-bidu tal-pandemija.

Share With: