Id-disa’ trabi mwielda f’daqqa se jkollhom jagħmlu bejn xahrejn u tlieta fl-inkubaturi

Ritratt: REUTERS

Id-disa’ trabi li twieldu mill-mara mill-Mali fl-aħħar jiem se jkollhom bżonn jagħmlu bejn xahrejn u tlieta fl-inkubaturi. Ikkonferma dan id-direttur tal-klinika fejn twieldu t-trabi. Il-Professur Youssef Alaoui mill-klinika ta’ Ain Borja fil-Marokk qal li dan il-każ kien wieħed estremament rari u eċċezzjonali.

Minkejja dan, fortunatament jidher li l-omm ta’ 25 sena u t-trabi; ħames bniet u erba’ subien jinsabu f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa. It-trabi twieldu jiżnu bejn 500 gramma u Kilo.

Id-Direttur Alaoui qal li l-omm; Halima Cissé ddaħħlet biex twelled fil-25 ġimgħa tat-tqala u li t-tim tiegħu rnexxielu jtawwal dan il-perjodu b’ħames ġimgħat. B’kollox kienu involuti 10 tobba u 25 paramediku li assistewhom waqt it-twelid tat-trabi.

It-tobba fil-Mali wettqu l-ultrasound u għall-ewwel kien hemm il-ħsieb li l-omm kien se jkollha sebat itfal, iżda minn hemm ġiet trasferita lejn klinika b’faċilitajiet mediċi aktar avvanzati.

Fl-ewwel kummenti tiegħu l-missier qal li jinsab ħerqan biex jingħaqad ma’ martu u uliedhom u li mhux inkwetat dwar il-futur tagħhom flimkien.

Share With: