Iċ-ċiklun Tauktae diġà qed iħalli l-ħerba tiegħu fl-Indja

Iċ-ċiklun Tauktae diġà beda jħalli l-ħerba tiegħu ġewwa l-Indja, liema pajjiż huwa milqut ħażin ħafna minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

It-theddida tal-maltempati diġà qed tiġi rrappurtata minn midja internazzjonali fejn jingħad fost l-oħrajn li l-istat fil-punent tal-Gujarat jinsab ippreparat għal dan iċ-ċiklun. Din qed tkun irrappurtata bħala l-iktar maltempata qawwija li laqtet ir-reġjun mill-1998.

F’dawn l-aħħar jumejn inqatlu mill-inqas sitt persuni filwaqt li eluf ġew evakwati fost xita qawwija li takkumpanja l-maltempata.

Id-dipartiment meteoroloġiku qal li l-maltemp issa intensifika ruħu għal ċiklun qawwi li mistenni li jwassal għall-maltempati estremi. 

Dan iċ-ċiklun jasal fost it-tieni mewġa devastanti tal-Covid-19 li ħakmet is-sistema tal-kura tas-saħħa ġewwa l-Indja.

Kemm Gujarat kif ukoll l-istat ġar tagħha Maharashtra jinsabu fuq allert għoli fost tbassir ta’ xita qawwija u riħ.

Share With: