“Iċ-Ċertifikat tal-Vaċċin – Biex nerġgħu nqajmu l-industrija tat-turiżmu”

Jikteb Stefan Zrinzo Azzopardi – Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Din il-ġimgħa kelli opportunità oħra biex fil-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li ltaqa’ fi Brussell, nisħaq fuq l-importanza li jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex f’Ġunju li ġej jibda jintuża iċ-Ċertifikat tal-Vaċċin. Dan għandu jwassal biex fl-Ewropa kollha jerġa jibda l-ivvjaġġar u b’hekk inkunu qed nosservaw wieħed mill-prinċipji bażiċi li għalih twaqqfet l-Unjoni Ewropea, dak tal-moviment ħieles tal-persuni.

Nistgħu ngħidu li issa ninsabu tassew viċin li jkollna dan iċ-Ċertifikat li bih se jkun faċli għall-Ewropej li jivvjaġġaw. Kien f’Jannar li għadda li l-Prim Ministru Robert Abela beda jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ dan iċ-Ċertifikat meta kiteb ittra dwar dan lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Von der Lyen. Imbagħad kompla jisħaq dwar dan fil-laqgħa li kien imiss tal-Kunsill Ewropej fejn spjega l-importanza ta’ dan iċ-Ċertifikat lill-mexxejja kollha Ewropej.

Kien biss ftit wara li l-Kummissjoni Ewropea bdiet tipproponi dak li għall-ewwel beda jissejjaħ id-Digital Green Certificate. Iċ-ċertifikat se jkun qed jagħti prova li l-persuna li jkollha dan iċ-ċertifikat tkun ġiet imlaqqma b’waħda mit-tilqimiet approvati mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini flimkien ma’ prova li l-persuna jkollha fil-pussess tagħha test tal-Covid-19 b’riżultat negattiv. Iċ-ċeritifkat se jelimina l-ħtieġa li dak li jkun joqgħod għal kwarantina u b’hekk l-ivvjaġġar se jkun faċilitat filwaqt li jiżdied it-turiżmu u b’hekk l-ekonomija Ewropea terġa’ tibda tirkupra u tieħu r-ruħ.

Dan huwa aktar relevanti għal pajjiżna li nafu kemm l-industrija turistika tagħna hija importanti għall-ekonomija. U aktar kemm ikun hemm ko-ordinazzjoni bejn l-Istati Membri kollha dwar dan iċ-Ċertifikat, akbar se jkun is-suċċess tiegħu. Kulħadd jiftaktar kif tħarbat l-ivvjaġġar fl-Ewropa hekk kif wara li bdiet l-imxija tal-Covid-19, pajjiżi individwali bdew jieħdu deċiżjonijiet unilaterali li jagħlqu l-fruntieri tagħhom. Meta d-deċiżjonijiet jittieħdu unilateralment tikber l-inċertezza u l-aktar li jbagħtu jkunu l-Istati Membri ż-żgħar.

L-importanza li dan iċ-Ċertifikat jibda jaħdem sa Ġunju li ġej hija kbira għaliex l-Ewropa kollha u partikolarment Malta, għandna bżonn li jkollna staġun turistiku qawwi. Ma nistgħux ninsew ukoll li l-pandemija ħalliet impatt qawwi fuq l-oqsma tal-avjazzjoni, l-industrija tal-cruise liners, il-lukandi u l-oqsma kollha konnessi mal-ospitalita u d-divertiment. Huwa kkalkulat li fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandna xejn inqas in 35 miljun impjieg li jiddependu fuq l-industrija turistika.

Is-suċċess taċ-Ċertifikat tal-Vaċċin jiddependi wkoll minn kemm l-Ewropa kollha se jirnexxielha tlaqqam kemm tiflaħ il-popolazzjoni tagħha. Aktar ma tikber ir-rata tat-tilqim, aktar jonqos it-tixrid tal-virus u b’hekk inkunu nistgħu ngħidu li bdejna nersqu lejn in-normalita. 

Huwa ta’ sodisfazzjon għalina lkoll li naraw lil pajjiżna fuq quddiem nett fir-rata tat-tilqim u bħalma qed jingħad, fi ftit jiem oħra nistgħu naslu f’dak it-tragward importanti ferm magħruf bħala “herd immunity”, jiġifieri li jkollna 70% tal-popolazzjoni adulta li għall-inqas tkun ħadet l-ewwel doża tal-vaċċin.

Bis-suċċess li qed niksbu aħna f’pajjiżna fir-rata tat-tilqim u l-kontroll fuq l-imxija tal-Covid-19 flimkien mal-implimentazzjoni tal-proġett Ewropew għaċ-Ċertifikat tal-Vaċċin se nkunu nistgħu nerġgħu nagħtu spinta ‘l quddiem lill-ekonomija ta’ pajjiżna biex naqbdu r-ritmu ta’ tkabbir ekonomiku li konna qed niksbu u b’hekk niżguraw li nkomplu ntejjbu l-ħajja tal-familji Maltin u Għawdin kollha.

Share With: