ĦSIBIJIET GĦAL JUM L-OMM

Minn – Dr Mary Vella, Kummissarju għall-Anzjani

Fix-xahar ta Mejju, niċċelebraw Jum l-Omm. Hija festa għażiża ħafna, fejn fiha niftakru u nuru l-apprezzament tagħna lill-ommijiet kollha li jaqsmu magħna l-imħabba bla qies tagħhom u li jħossu l-uġigħ u l-kuntentizza ta’ wliedhom daqslikieku dawn l-emozzjonijiet u esperjenzi kienu tagħhom stess.

Lill-ommijiet kollha, kemm dawk bijoloġiċi u kemm dawk adottivi, flimkien ma’ dawk li b’impenn u għożża kbira bħal nanniet, zijiet, sorijiet u għalliema, jagħtu kura u mħabba fejn minħabba ċerti ċirkostanzi ma jkunx possibli li tingħata mill-omm naturali. Lil dawn kollha grazzi u tgħanniqa kbira.

Kull omm tipprova tagħmel dak li għaliha huwa l-aħjar li tista’ tagħmel għal uliedha, dejjem skont il-mod li hija stess tkun trabbiet bih. Ħafna drabi tuza inkonxjament il-mudell tat-trobbija tagħha flimkien mal-esperjenzi li hija tkun ġarrbet biex tipprovdi trobbija aħjar għal uliedha u tagħmel ħilitha biex tipprovdi wkoll dak li hi setgħet kienet imċaħħda minnu. Imma huwa fatt illi ż-żminijiet jinbidlu u għalkemm ċertu affarijiet jibqgħu l-istess bħall-imhabba u r-rispett, għandu jkun id-dover tal-ġenitur illi jevalwa l-bżonnijiet tat-tfal u jiggwida skont is-sitwazzjoni tal-preżent.

Trobbija tajba teħtieġ impenn kbir, imħabba, għożża, dixxiplina, rispett u komunikazzjoni affettiva. Importanti li tinbena relazzjoni tajba, soda u ta’ sapport mal-ulied għax dawn ir-relazzjonijiet se jħallu impatt qawwi u kbir fuq il-ħajja tal-ulied anke meta dawn jikbru u fil-futur jiffurmaw relazzjonijiet u l-familji tagħhom. Tfal imrobbija f’ambjent sod jikbru f’ċittadini li jemmnu fihom infushom, ikunu kapaċi jifhmu u jagħdru lil ħaddieħor u jifhmu wkoll il-potenzjal, saħħiet u reżiljenzi tagħhom stess biex b’hekk ikunu kapaċi jfendu ghal rashom u jimxu ‘l quddiem fil-ħajja.

Kull omm hi x’inhi l-età tagħha hija bniedma importanti u ħajt ta’ kenn għall-familja tagħha u l-unika ħaġa li trid huwa l-aħjar għal uliedha. Hija font ta’ imħabba ġeneruża u bla qies, bla interess li ma tfittex u teħtieġ xejn lura u li hija dejjem hemm biex tisma’, tifhem, twieżen u tagħder.

Bħala Kummissarju għall-Anzjani ma nistax ma nurix l-apprezzament tiegħi lill-ommijiet anzjani li huma kolonna importanti u imprezzabbli fis-soċjetà tagħna billi jipprovdu għajnuna u appoġġ lit-tfal u lit-tfal tat-tfal, waqt li minn xi daqqiet n-nanniet jistgħu anke jkunu l-carers ewlenin u jieħdu r-rwol ta’ ommijiet meta dawn ma jkunux jistgħu jkomplu f’dan l-irwol minħabba problemi ta’ mard jew responsabbiltajiet ta’ xogħol. Ma nistgħux ma nagħtux għarfien l-irwol krucjali u importanti tal-ommijiet anzjani, li jagħmlu ħilithom biex bil-kliem fejjiedi tagħhom u b’għemilhom ġenitili jżommu l-familja magħquda u jseddquha b’ħafna barkiet.

Importanti li nibqghu nieħdu ħsieb u nindokraw lill-ommijiet anzjani tagħna, kemm dawk li jifilħu u għadhom jagħtu kontribut siewi fil-familji u kemm lil dawk li minhabba mard jew eta avvanzata ma ghadhomx daqshekk attivi u forsi anke jeħtieġu kura huma stess. Għandna nkunu hemm għalihom bħalma huma kienu dejjem hemm għalina u għal dawk illi għandhom lil ommhom miġbura f’xi residenza tal-anzjani huwa importanti illi jinżamm kuntatt xieraq bit-telephone, xi mezz ieħor diġitali jew billi nżuruhom meta dan ikun possibbli biex nuruhom li naħsbu fihom u nħobbuhom. 

Għandna nuru l-apprezzament tagħna, nuru mħabba u rispett lejn l-ommijiet tagħna tul ħajjithom kollha u nkunu grati tat-tagħlim li tawna bl-eżempju li baqa’ mmarkat f’moħħna. Fl-aħħar mill-aħħar dak li jiswa f’ħajjitna mhumiex l-affarijiet materjali imma t-tifkiriet tal-mumenti u żminijiet sbieħ li għexna flimkien u għamluna kuntenti. Wara kollox meta l-għeżież tagħna ma jibqgħux aktar magħna, it-tifkiriet ta’ dawk il-mumenti u emozzjonijiet sbieħ, huwa dak kollu li jibqgħalna.

Għalhekk f’Jum l-Omm nixtieq minn qalbi nawgura lill-ommijiet kollha inkluż ommijiet tar-rispett, foster parents, sorijiet, għalliema u lil kull min b’imħabba kbira u altruwista jerfa’ r-responsabiltà ta’ omm u jgħożż u jittratta lit-tfal daqslikieku kienu demmhom.

Share With: