Ħidma biex jitneħħew vetturi mitluqin mit-toroq

Ritratti: Roger Azzopardi

L-Awtorità għat-Trasport f’Malta, bi ftehim mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, ippubblikat emendi għal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 65.13. L-għan ta’ dan hu li jitneħħew vetturi mitluqa fit-triq, bħal dawk il-vetturi li jkunu fi stat li ma jkunux jistgħu jiġu identifikati u/jew ikunu fi stat li mhumiex tajbin biex jinstaqu fit-triq, kif ukoll dawk li ma tħallsitilhomx il-liċenzja ta’ ċirkulazzjoni għas-sena kurrenti fi żmien tletin ġurnata mid-data meta l-ħlas ikun dovut.

L-uffiċjali tal-Infurzar ta’ Transport Malta ser iwaħħlu stiker mal-windscreen ta’ dawn il-vetturi u s-sid ikollu sebat ijiem żmien biex ineħħi l-vettura in kwistjoni mit-triq.

Jekk il-vettura titneħħa mit-triq mill-Awtorità, is-sid ikun obbligat li jħallas l-ispejjeż kollha u jekk is-sid ma jagħmilx talba biex jieħu lura l-vettura, filwaqt li jħallas tali spejjeż, l-Awtorità jkollha d-dritt li tbigħ il-vettura permezz ta’ rkant jew li tiskrappjaha, skont il-każ.

Bis-saħħa ta’ dawn l-emendi fil-liġi se jkun possibbli li nnaddfu t-toroq tagħna minn dawk il-vetturi li qegħdin jokkupaw spazju li huwa bżonnjuż għal vetturi oħra li huma liċenzjati.

Share With: