“Ħdimna b’għaqal, ħarisna s-saħħa u fl-istess ħin ix-xogħol” – Il-PM

“Ix-xogħol, il-ħaddiem u n-negozji se jibqgħu l-prijorità fiż-żmien li ġej.”

Dan kien is-sentiment ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Ħadd filgħodu, l-għada ta’ Jum il-Ħaddiem.

Fil-fatt, b’rabta maċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru sostna li fl-aħħar jiem Gvern Laburista mmarka b’aktar emfasi dak li jemmen fih. Is-serħan il-moħħ lill-familji u negozji u l-opportunitajiet għal kulħadd.

Dan permezz ta’ diversi miżuri u inċentivi li jgħinu lin-negozji u l-kumpaniji Maltin u Għawdxin, fosthom, pakkett ta’ €20 miljun biex jgħin lin-negozji jirkupraw u anke jirriġeneraw ruħhom.

“Il-prijoritajiet tal-Gvern jibqgħu l-istess għaliex dawn huma l-prinċipji tiegħu,” sostna l-Prim Ministru.

Dr Abela rrimarka wkoll statistika uffiċjali li ħarġet din il-ġimgħa u li wriet kif f’pajjiżna minkejja l-pandemija qed ikompli jirnexxielu jnaqqas l-qgħad u anke l-faqar. Dan hekk kif niżel għal 3.3% in-numru ta’ persuni mċaħħda materjalment severament.

“Mill-2013 ‘il quddiem qatt ma għidna bħal ta’ qabilna li l-faqar huwa perċezzjoni imma għidna li l-faqar huwa realtà. F’sena ta’ pandemija, il-persuni mċaħħda materjalment severament naqsu b’1000 persuna u dik hija xi ħaġa li ttik verament sodisfazzjon għaliex kieku l-Gvern ma intervjeniex u kieku ma għamilna xejn f’sena ta’ pandemija, il-faqar kien se jisplodi l-fuq imma rajna li ġara bil-kontra.”

Madankollu l-Prim Ministru sostna li dan xorta mhux biżżejjed għaliex dan il-Gvern ma jistrieħx fuq is-suċċessi li jkun kiseb. Fil-fatt, irrimarka kif għada l-Kabinett tal-Ministri se jkun qed jiddiskuti b’emfasi l-qasam soċjali sabiex anke wara l-pandemija dan jibqa’ b’saħħtu.

Tul l-intervista, il-Prim Ministru Robert Abela ġie mistoqsi wkoll dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna u l-fatt li fl-aħħar jiem tneħħew ukoll aktar restrizzjonijiet.

Sostna b’sodisfazzjon kif ir-rilaxx tal-miżuri fosthom li jerġgħu jiftħu ħwienet mhux essenzjali, sa issa ma wasslux għal żidiet fin-numri. Dr Abela tenna kif anke n-numri tal-aħħar ġimgħat juru d-deċiżjonijiet għaqlin li ttieħdu mill-awtoritajiet f’pajjiżna.

Quddiem aktar rilaxx ta’ miżuri skedat għall-10 ta’ Mejju, il-Prim Ministru baqa’ jappella għall-kawtela.

“Nibqa’ nappella għall-kawtela għaliex għadna f’dak l-istadju fejn hemm numru ta’ nies li mhumiex imlaqqmin…Kruċjali li nibqgħu nosservaw il-miżuri għaliex ma nistgħux nitilfu sajf ta’ xogħol. Sakemm ma jkollnix parir ieħor mill-awtoritajiet tas-saħħa, irridu nibqgħu nosservaw ir-regoli.”

Fakkar ukoll fl-arma b’saħħitha tal-vaċċin li għandu pajjiżna hekk kif sa issa ġew amministrati madwar 340,000 doża b’110,000 persuna ħadu ż-żewġ dożi. Tenna li lura f’Ottubru tal-2020 kien hawn min qal li mhux se jkollna l-vaċċin sa qabel April.

Dwar dan is-suġġett il-Prim Ministru temm jappella biex min hu eleġibbli jirreġistra għat-tilqima tal-vaċċin, anke issa li tħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jiftħu r-reġistrazzjonijiet għal dawk il-persuni li għandhom tletin sena jew aktar.

Dr Abela ħabbar ukoll li hu flimkien ma’ martu s-Sinjura Lydia Abela rċevew l-appuntament sabiex għada jieħdu l-ewwel doża tal-vaċċin.

Intant fi tmiem l-intervista, il-Prim Ministru reġa’ rrefera għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem hekk kif spjega li nnota elementi mill-isbaħ waqt iż-żjarat tiegħu mal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Żjarat li jkattru aktar kuraġġ quddiem iż-żmien li ġej.

Tenna wkoll kif fil-jiem li ġejjin dan il-Gvern se jibqa’ jassigura pajjiż mill-isbaħ.

Dan hekk kif ħaddiema f’diversi entitajiet, b’kordinazzjoni mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, se jkunu qed jimbarkaw fuq ħidma koordinata ta’ diversi ġimgħat biex isebbħu lil pajjiżna.

“Dak huwa l-mod ta’ kif il-Gvern iħares lejn il-pajjiż. Ġejjin ġimgħat ta’ xogħol u ta’ upkeep. Jien ottimist għall-ġimgħat u xhur li ġejjin. Pajjiż sabiħ, b’nies b’valuri tal-għaqda, s-solidarjetà u li nieħdu ħsieb lil xulxin. Ejja nibqgħu nibzgħu għalihom għaliex hekk nistgħu nibqgħu nitkellmu dwar pajjiż b’saħħtu u soċjetà b’saħħitha.”

Share With: