“Għandna poplu għajjien” – Edwin Vassallo

Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal fil-Parlament: “Illum għandna poplu għajjien, mhux biss bil-pandemija, imma anke għejja politika, li mhux kapaċi jaħseb f’għada, lanqas biss jipprova jaħseb u jsegwi x’qed jiġri fuq l-aħbarijiet. Għandna żgħażagħ li jgħidulek li hawn mhawnx futur. Irridu niżirgħu t-tama li kapaċi nfejquh dan il-poplu u ntuh lura l-kuxjenza soċjali.” 

Huwa tkellem ukoll dwar il-Covid-19 u qal li din se tħallilna problemi li għad irridu nibqgħu nsolvuhom u se jibqa’ jkollna persuni vulnerabbli. “Ara ma naħsbux li għax niftħu l-attività kummerċjali tagħna, il-problemi tal-covid ikunu spċċaw. Niftħu l-attività kummerċjali, nagħtu l-injezzjonijiet u mbagħad jibda t-tieni fażi ta’ problemi ġodda li tkun ħallitilna l-Covid,” qal Vassallo. 

“Dan il-pajjiż fin-normalità ġdida tiegħu se jkun differenti min-normalità li diġà kellna qabel. Ejja naħsbu f’liema vulnerabbiltà se jaqa’ fih dan il-pajjiż, f’liema inċidenzi jista’ jkollna u l-mod li bih nistgħu ngħinu lin-nies u negozji.”

Intant, meta kien qed jitkellem fuq il-liġi dwar l-intrapriżi soċjali, Vassallo qal li jista’ jkollna intrapriżi soċjali li jaħdmu fil-qasam ambjentali, li jaħdmu fl-oqsma soċjali tat-tisħiħ tal-familja jew mal-annimali abbandunati, li jaħdmu fost it-tfal li jeħtieġu għajnuna speċjalizzata, li jgħinu fl-qasam turistiku, li jtaffu l-problemi soċjali li għandna fl-ibliet u l-irħula tagħna u li jipprovdu food banks fost oħrajn. 

Huwa enfasizza wkoll fuq l-importanza li din il-liġi ma tkunx waħda li titpoġġa fuq l-ixkaffa ma’ liġijiet oħra biex “sempliċiment ngħidu li approvajniha.”

Share With: