“Għandhom joqtluk” Tispiċċa bi ġrieħi serji f’wiċċha f’attakk omofobiku fl-Italja

“Int gay moqżieża. Għandhom joqtluk. Qed nitkellem proprju miegħek, gay maħmuġa”

Dawn kienu l-insulti u t-theddid li ffaċċjat Silvana, mara omosesswali minn Vallefiorita, fil-provinċja ta’ Catanzaro ġewwa l-Italja. Kien proprju l-ġar tagħha li beda jinsultaha bi kliem deplorevoli sakemm mill-kliem mexa għall-fatti.

Mhux talli kellha taffaċċja l-insulti omofobiċi, talli hija sfat aggredita mill-ġar tagħha tant li kellha tmur għall-kura medika minħabba li spiċċat bi ġrieħi serji f’wiċċha.

Dan l-inċident seħħ fl-20 ta’ Mejju waqt li Silvana kienet tinsab fil-gallarija tpejjep sigarett.

Fl-istess waqt hija kienet qiegħda fuq it-telefon mat-tfalja tagħha li semgħet dak kollu li ġara.

Wara dan l-inċident, li bosta ddeskrivewh bħala tassew tal-mistħija, diversi persuni urew is-solidarjetà ma’ Silvana u kkundannaw bil-qawwa dan l-aġir.

Fost il-kummenti tan-nies, intqal kif jinsabu sorpriżi u rrabjati li hekk kif ninsabu fis-sena 2021, is-sentiment omofobiku għadu preżenti ħafna.

Share With: