Ftehim ta’ €3.7 miljun mal-Fondazzjoni Wens għall-ġid tal-persuni b’diżabilità

Il-gvern u l-Aġenzija Sapport iffirmaw ftehim soċjali mal-Fondazzjoni Wens li jammonta għal €3.7 miljun. Dan l-investiment huwa kważi nofs miljun ewro aktar mill-kuntratt tal-2018, li se jkopri Dar il-Wens u Dar l-Abbiltà fil-Kalkara kif ukoll Dar Merħba fil-Fgura. Ftehim li jkopri 35 sodda għall-persuni b’diżabilità.

Din il-kollaborazzjoni tkompli twessa’ d-disponibbiltà tas-servizzi residenzjali għal persuni b’diżabilità, tipprovdihom ambjent sikur u tim multi-dixxiplinarju minn Aġenzija Sapport li jkun qed jassessja, u jsegwi u jirrevedi l-pjanijiet individwali ta’ dawn ir-residenti, sabiex ikun assigurat li jkunu protetti u jingħataw servizz ta’ kwalità.

Waqt l-iffirmar ta’ dan il-ftehim f’Dar l-Abbiltà, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli spjegat li f’din id-dar hemm kunċett imsejjes fuq l-għajxien indipendenti tant li l-persuni b’diżabilità jmorru għax-xogħol u jirritornaw lura fir-residenza.

Il-ministru sostniet li dan il-ftehim fuq medda ta’ tliet snin huwa turija ċara ta’ kemm dan il-gvern jinteressah mill-persuni b’diżabilità u hu kommess li jkompli jtejbilhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Il-ministru spjegat kif dan il-finanzjament li bis-saħħa tiegħu, Fondazzjoni Wens se tkun qed toffri servizz residenzjali lil 35 persuna b’diżabilità li jkopri kriterji bħall-akkomodazzjoni, is-saħħa, is-sigurtà, l-ikel, kif ukoll attivitajiet li huma parti integrali mill-ġurnata ta’ persuna b’diżabilità residenti f’dawn id-djar. Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja jipprovdi fondi lil numru ta’ NGOs li b’kollox qed joffru servizz residenzjali lil 114 persuna b’diżabilità.

Ruth Rose Sciberras, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, saħqet li dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet u jtejjeb il-proċessi involuti fil-provediment tas-servizz. Is-Sinjura Sciberras enfasizzat li din il-ħidma konġunta hi dejjem fl-aħjar interess tal-persuni b’diżabilità u matul is-snin, dan is-servizz kompla żviluppa bl-għan li s-servizzi residenzjali kollha jsegwu l-istandards stabbiliti.

Id-Direttur tal-Fondazzjoni Wens Ronald Galea qal li din l-għajnuna mill-gvern hija importanti sabiex tkun tista’ tingħata l-aħjar kwalità ta’ ħajja lill-persuni b’diżabilità.

Dan il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti Matthew Vella, mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras, u mid-Direttur tal-Fondazzjoni Wens Ronald Galea.

Share With: