FILMAT: “Nifs ġdid wara ġimgħat ma narmawx”

Bejjiegħa tal-monti fil-Belt Valletta jitkellmu ma’ Inewsmalta wara xahrejn weqfin

Miktub minn Claudio Coleiro, Filmat Alan Saliba

Bejjiegħa tal-monti fil-Belt Valletta li tkellmu ma’ dan is-sit esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li wara kważi xahrejn ma jarmawx minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, mill-bieraħ reġgħu bdew jarmaw il-bankarelli tagħhom. 

Dan is-sit niżel fi Triq l-Ordinanza fejn tkellem ma’ wħud minn dawn il-bejjiegħa, li saħqu li kien “ta’ nifs” għalihom li setgħu jerġgħu jarmaw fuq il-monti.

Ramon Camilleri McKay, li ilu jarma għal dawn l-aħħar 20 sena fil-Belt, qalilna li f’din l-ewwel ġurnata għadd ta’ nies ġew jixtru mingħandu. “Meta dak li jkun jara hekk, jibda jagħmel aktar kuraġġ. Nibdew nirpiljaw bilmod. Nittamaw li jiġu t-turisti ħalli l-pajjiż jerġa’ jiġi kif kien qabel,” qalilna Camilleri McKay.

Min-naħa tiegħu, Joe Aquilina sostna li ħa pjaċir ħafna li reġa’ qiegħed jarma fuq il-monti. “Ma ngergirx. Kien hawn ftit tan-nies. Ħadt naqra tar-ruħ issa li erġajt ġejt narmaw hawn,” qal Aquilina, li ilu jbigħ fuq il-monti minn meta kellu 12-il sena u llum jgħodd 64 sena. 

Minbarra li setgħu jarmaw is-swieq fil-miftuħ, mill-bieraħ ir-ristoranti u l-isnackbars setgħu jiftħu sal-5.00 p.m., u wara jkomplu bis-servizz ta’ take-away. Mill-bieraħ ukoll reġa’ beda t-taħriġ tal-isport professjonali kollu u kompla l-isport non-contact mingħajr spettaturi. Fl-istess waqt, komplew ukoll l-attivitajiet extra-kurrikulari u l-lezzjonijiet tad-duttrina u tneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex.

Share With: