Filmat: Inċentivi mill-Gvern se jsaħħu l-ekonomija b’2.5% din is-sena

Miktub Minn Claudio Coleiro, Filmat Alan Saliba

Huwa stmat li din is-sena, madwar 2.5% tal-ekonomija se tkun qiegħda tiġi msaħħa permezz tal-inċentivi ta’ €20 miljun oħra li ħabbar il-Gvern fl-aħħar jiem u kif ukoll permezz tal-vawċers li mistenni jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin li jammontaw għal €45 miljun. 

Kien il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia li żvela dan ma’ dan is-sit meta mistoqsi dwar l-andament tal-ekonomija fil-futur qarib u l-benefiċċji li tamministra l-Malta Enterprise.

Huwa beda biex qal li l-miżura tal-Wage Supplement, li sa issa swiet madwar €450 miljun, se tibqa’ fis-seħħ sal-aħħar tas-sena għal dawk l-iktar milquta, u minnha se jibbenefikaw iktar minn 100,000 ħaddiem. 

“Min-naħa l-oħra, il-miżuri li ħabbar il-Gvern, li ħafna minnhom se jkunu amministrati mill-Malta Enterprise huma stmati li bejn wieħed u ieħor se jkunu qegħdin isaħħu l-ekonomija b 2.5%,” qal Farrugia.

Il-miżuri l-ġodda mħabbra se jkunu qed joffru għajnuna immedjata u inċentivi li għandhom l-għan li jgħinu lin-negozji jirriġeneraw u jħarsu ’l quddiem biex jistimulaw l-attività ekonomika.

Ewlenin fosthom hemm l-għajnuna fuq il-kirjiet u l-kontijiet tad-dawl, cash grant ta’ €1,000 għal dawk in-negozji li kellhom jibqgħu magħluqa wara l-10 ta’ Mejju, u inċentivi biex jgħinu lin-negozji jsaħħu l-attività kummerċjali tagħhom, joħolqu prodotti ġodda jew jiddiversifikaw il-portafoll ta’ servizzi li diġà joffru.

Farrugia żied jgħid li: “l-ekonomija ma marritx lura b’daqqa ikbar, madwar 5%, minħabba dak kollu li sar, jiġifieri l-assistenza li ta l-Gvern bil-miżuri li ttieħdu.” 

Tenna li għaldaqstant, filwaqt li nerġgħu nibdew naraw l-attività ġejja għan-normal, bħala Gvern u Malta Enterprise se jibqgħu jgħinu lin-negozju biex ikunu protetti l-impjiegi tal-ħaddiema. 

Mistoqsi dwar x’inhu s-sentiment tan-negozji issa li reġgħu ġew rilaxxati xi miżuri u reġgħu bdew joperaw, il-Kap Eżekuttiv tal-ME stqarr li s-sentiment fost in-negozji sa issa huwa wieħed “pożittiv b’kawtela.”

“In-negozji wara li s-sena l-oħra għaddew minn perjodu fejn kellhom jagħlqu, reġgħu fetħu u mbagħad kellhom jerġgħu jagħlqu, id-daqqa ħassewha doppja. Allura nifhem li bħalissa hemm ċertu kawtela.”

“Hemm sentiment ta’ pożittività u fiduċja li din id-darba anke bir-roll-out tal-vaċċin li mexa tajjeb ħafna mhux se jkollna skossi oħrajn. Ovvjament is-sitwazzjoni tal-pandemija kif għallmitna fl-aħħar xhur ma tistax tgħid fejn se nkunu fi żmien ftit tax-xhur oħra però sa issa s-sentiment fost in-negozju huwa pożittiv b’kawtela,” temm jgħid Farrugia. 

Share With: