F’direzzjoni ekonomika ċara

Mill-Ministru Miriam Dalli

Fil-ġimgħa li fiha qed niċċelebraw Jum il-Ħaddiem, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela ħabbart set ta’ inċentivi li huma immirati biex nipproteġu l-impjiegi tal-lum imma fuq kollox biex nistimolaw l-ekonomija tagħna ħalli nkomplu niġġeneraw aktar impjiegi ta’ kwalità fis-snin li ġejjin. 

Matul l-aħħar sena, waqt l-agħar kriżi ekonomika dinjija li qatt esperjenzajna, il-ħaddiem Malti sab warajh Gvern b’saħħtu, li mill-bidu kien jaf fejn irid jasal. Gvern li ried jipproteġi s-saħħa u l-għixien tal-Għawdxin u l-Maltin kollha. 

Fl-aħħar sena investejna xejn inqas minn €500 miljun f’ pagi lill-ħaddiema tagħna u għajnuniet oħra lill-intrapriżi. Spiża ta’ €40 miljun ewro kull xahar biex naċċertaw li l-ħaddiema ma jitilfux l-impjieg tagħhom. 

Għamilna dan għax nafu li mingħajr il-ħaddiem, l-ekonomija ma tistax terġa tirkupra malajr issa li gradwalment resqin lejn il-ftuħ mill-ġdid ta’ l-attivitajiet kummerċjali f’pajjiżna. 

Dan wassal biex illum f’pajjiżna għandha waħda mill-anqas rati ta’ qagħad fl-Ewropa kollha u allura għandha bażi soda fuq xiex nibnu l-irkupru ekonomiku tagħna għax-xhur u s-snin li ġejjin.

Filwaqt li ser nibqgħu nassistu lil min iħaddem, issa, fuq kollox qedgħin ngħinu lill-imprendituri Maltin u l-kumpaniji jinvestu fil-futur tagħhom u tal-ħaddiema tagħhom. 

Is-set ta’ miżuri li ħabbarna din il-ġimgħa huma primarjament indirizzati lejn dan il-għan. Nafu kemm l-aħħar sena kienet waħda ta’ sfidi għal bosta. Imma dan mhux se jaqtalna qalbna, anzi iħeġġiġna aktar biex ninvestu b’mod b’saħħtu ħalli naċċertaw rwieħna li għada jkollna kumpaniji aktar moderni mil-lum, negozji aktar sostenibbli u ħaddiema imħarrġa aħjar biex flimkien, bħala pajjiż, insaħħu l-mudell ekonomiku tagħna u nkomplu noħolqu u nqassmu l-ġid.

Xi haġa li timlini bil-kuraġġ meta nitkellem ma’ l-imprendituri tagħna hija li dawn huma għatxana biex jerġgħu jibdew joperaw u jirritornaw għall-andament li kienu mdorrijin bih qabel il-pandemija. 

Propju għalhekk ħabbarna numru ta’ miżuri ġodda li se jkunu qed jgħinu lill-kumpaniji kollha f’setturi differenti sabiex jinvestu b’mod b’saħħtu f’niċeċ li se jkunu importanti fil-futur li ġej. 

Irridu kumpaniji aktar moderni, magħmra sew teknoloġikmanet, b’operat aktar effiċjenti u sostenibbli. Aħna, bħala Gvern mhux se noqgħodu lura milli ngħinu b’mod b’saħħtu lil dawn il-kumpaniji sabiex jagħmlu din il-qabża fil-kwalità b’ għajnuna finanzjarja u tnaqqis mit-taxxa sa massimu ta’ €50,000 għal kull investiment.

Irdoppjajna wkoll l-assistenza finanzjarja fi skemi li se jgħinu n-negozji tagħna biex jieħdu pariri professjonali fuq kif jistgħu jinbdilu u jissaħħu biex ikunu kapaċi jikbru fl-ekonomija l-ġdida. Dan nagħmluh għax aħna nafu li l-imprenditur Malti kapaċi jadatta u ċerti li bi ftit għajnuna kapaċi nibdlu l-isfidi tal-preżent f’suċċess għall-futur.

Minkejja din l-għajnuna kollha nafu li kien hemm negozji li ma setgħux isalvaw mid-daqqa ekonomika li ġabet magħha l-pandemija. Imma anke hawnhekk il-messaġġ tagħna wieħed ċar u bla tlaqliq. Ma rridu ‘l ħadd jaqta’ qalbu, ħadd mhu se jitħalla waħdu.

Flimkien mal-Malta Enterprise se nkunu qedgħin nipprovdu għajnuna professjonali u anke assistenza finanzjarja permezz ta’ konsulenzi lil dawk l-imprendituri li tilfu n-negozju tagħhom għax irriduhom jerġgħu jibdew mill-ġdid. 

Qed nagħmlu dan għax verament nemmnu fil-kapaċita imprenditorjali tal-Maltin u l-Għawdxin u ma rridux li l-pandemija tkun kaġun tat-telf ta’ dan it-talent u ta’ din il-bżulija.

Flimkien mal-Prim Ministru, din il-ġimgħa żorna wkoll l-gżira Għawdixja u numru ta’ kumpaniji Għawdxin li f’dawn iż-żminijiet qedgħin ikompli jinvestu f’makkinarju aktar effiċjenti u teknoloġiku biex fil-futur ikunu jistgħu jespandu. 

Meta nara dan l-entużjażmu u r-rieda nkompli nikkonferma kemm nagħmlu tajjeb li nżidu l-għajnuna lill-kumpaniji li jistabbilixxu ruħhom ġewwa Għawdex. Hekk għamilna fl-iskemi li ħabbarna li se jkunu qedgħin jagħtu assistenza finanzjarja akbar lill-kumpaniji Għawdxin bħal ma se nagħmlu l-istess ma’ l-istart-ups u anke investimenti li joħolqu green jobs.

Dan kollu li qed nagħmlu, inkluż dawn il-miżuri u l-inċentivi li qedgħin noffru lil min iħaddem qedgħin nagħmluhom b’konsultazjoni kontinwa mal-imsieħba soċjali li għalija huma partners indispensabli fit-tfassil tal-politika tagħna.

Nemmen li meta ġġib lil kulħadd madwar mejda, l-ideat individwali jissawwru fi proposti konkreti li joħolqu l-ġid għal bosta. 

Minkejja ċ-ċirkostanzi ta’ sfida li qedgħin fihom b’din l-attitudni rnexxilna nilħqu sinerġija importanti bejn stakeholders differenti. Dan irridu nkompu nibnu fuqu fix-xhur li ġejjin biex flimkien nimxu lejn ekonomija dejjem aktar sostenibbli li toħloq u tqassam il-ġid ma’ kulħadd. 

Share With: