“Bżonn ta’ policy li tirregola l-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li jsiru”

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ddikjara fil-Parlament li wasal iż-żmien li jkun hemm xi forma ta’ policy dwar kif jiġu regolati l-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li jsiru fuq l-istazzjon nazzjonali għall-fatt li qed ikun hemm diversi minnhom. 

“Bħala Ministru responsabbli mix-xandir nazzjonali nirċievu talbiet minn għaqdiet mhux governattivi biex dawn jagħmlu l-ġbir biex ikunu jistgħu jirreklamaw ix-xogħol tagħhom biex ikunu jistgħu jiġbru fondi neċessarji għall-ħidma tagħhom.

“Meta nara t-talbiet li qed insiru, inħoss li dawn it-tip ta’ talbiet qegħdin jiżdiedu,” qal il-Ministru Abela li sostna li huwa tajjeb li nitkellmu fuq policy f’dan ir-rigward u ħeġġeġ li din issir.

Huwa tkellem ukoll fuq il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment u qal li huwa importanti li dan il-programm mhux immaqdruh imma ntejbuh. “Fl-istess ħin, il-fondi li jidħlu rridu naraw li nagħmlu l-aħjar użu minnhom u huwa importanti li jkollna vuċi waħda mhux biss f’pajjiżna imma anke barra.”

Meta kien qed jitkellem fuq l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Intrapriżi Soċjali, il-Ministru Abela qal ukoll li dan il-qafas legali jagħti sfond biex diversi għaqdiet jingħaqdu taħt kappa waħda u taħt business model maħsub. 

“Wieħed jista’ jikkunsidra li filwaqt li jkun hemm identità li tibqa’ ta’ kull għaqda mhux governattiva li taħdem f’ċertu qafas, permezz ta’ din il-liġi wieħed jista’ jitkellem biex numru ta’ għaqdiet volontarji jingħaqdu flimkien ħalli jipprovdu s-servizzi li jagħtu imma fl-istess ħin taħt il-kappa ta’ din il-liġi.”

Dwar is-settur tal-volontarjat, huwa qal li kulma jmur dan qiegħed isir dejjem aktar sofistikat u professjonali. Qal ukoll li dejjem ikun hemm il-ħtieġa li jkun hemm aktar nies mhux biss jagħtu sehemhom imma wkoll il-ħiliet tagħhom f’dan il-qasam.

Share With: