“Biex inkunu ħriġna minn din il-pandemija, il-Gvern se jkun nefaq ‘il fuq minn €3.3 biljun” – il-Ministru Clyde Caruana

Fil-Parlament ġiet diskussa mozzjoni dwar is-self li se jkun qed jieħu l-Gvern mill-programm ta’ finanzjament tal-UE bl-isem ta’ SURE biex ikun jista’ jipprovdi l-Wage Supplement lin-negozji li qed isofru l-impatt tal-pandemija minħabba r-restrizzjonijiet li kellhom jiġu imposti. Is-self minn din l-iskema jammonta għal €177 miljun.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li: “dak li qed nagħmlu llum, li nissellfu aktar flus biex inħarsu l-impjiegi ta’ aktar Maltin u Għawdex se jwassal biex mhux biss nipproteġu l-għajxien tal-ħaddiema imma biex l-ekonomija tagħna, għada pitgħada, tikber b’ritmu aktar mgħaġġel.” 

Huwa semma kif mil-lat ta’ qgħad, kollox jindika li pajjiżna, minkejja d-daqqa tal-pandemija, irnexxielu jikkontrolla l-impatt negattiv. Qal li dak kollu li għamel dan il-Gvern ma kienx b’kumbinazzjoni iżda għaliex mill-esperjenzi tal-passati u miill-iżbalji li għamlu pajjiżi oħra, Malta rat li tirrepetix dawk l-iżbalji.

“Biex inkunu ħriġna mill-pandemija, f’pajjiżna ‘l Gvern se jkun nefaq ‘il fuq minn €3.3 biljun,” spjega l-Ministru Caruana. “Dan il-Gvern, il-kredenzjali fiskali u ekonomiċi tiegħu jibqgħu hemm. Jekk qatt kien hemm prova fejn stajna nuruhom, din kienet l-akbar prova.”

Share With: