Bdiewa u raħħala jistgħu japplikaw biex jirċievu pagamenti b’fondi Ewropej

L-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, l-ARPA, fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali, qed tilqa’ talbiet għal pagamenti għas-sena 2021 fuq diversi skemi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti li jaqgħu taħt il-Programm għall-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020 u taħt pagamenti diretti.

L-iskemi li wieħed jista’ japplika taħthom għal għajnuna finanzjarja huma dawk ta’ pagamenti diretti, Miżuri Agro-Ambjentali-Klima 2014-2020, Miżuri ta’ Biedja Organika 2014-2020 u Żoni b’Restrizzjonijiet Naturali.

Il-Ministru Anton Refalo qal li l-mira tal-gvern f’dan iż-żmien partikolari hija li jitkompla jingħata l-aħjar servizz possibbli lill-bdiewa Maltin u Għawdxin u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-iskemi ta’ għajnuna finanzjarja li jgawdi minnhom is-settur agrikolu lokali. L-Aġenzija se tkompli tiggarantixxi servizz professjonali b’effiċjenza u fuq kollox tal-aqwa kwalità.

Mas-6,500 applikazzjoni intbagħtu bil-posta lill-bdiewa fejn ġie inkluż envelope bil-posta mħallsa biex il-klijenti jikkonfermaw id-dettalji fl-applikazzjoni, jiffirmaw u jibagħtuha lura. Ġiet inkluża wkoll l-applikazzjoni biex il-bdiewa jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizz ta’ SMS mibgħut mill-Aġenzija. Dawn il-miżuri ttieħdu bħala prekawzjoni fid-dawl tal-pandemija u biex jiġi limitat il-kuntatt fiżiku u fl-istess ħin jitnaqqas il-piż minn fuq il-bdiewa u r-raħħala.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li għal dawn l-applikazzjonijiet ġew allokati €8 miljun f’fondi Ewropej biex jiġi inċentivat aktar żvilupp u tisħiħ tas-settur tal-biedja. Huwa spjega li l-fatt li l-applikazzjonijiet huma diġà mimlija bid-dettalji, se jkun qed jitħaffef il-proċess u jgħin lill-bdiewa filwaqt li jkun assigurat li ma jintilfux fondi Ewropej. Ikkonkluda li minħabba li ġie ffaċilitat il-mod kif qed jinkisbu dawn il-fondi, qed jiġi assigurat li l-fondi Ewropej verament jaslu għand kulħadd filwaqt li qed jiġu inċentivati miżuri aktar favur l-ambjent.

It-talbiet għall-pagamenti ser jintlaqgħu sa nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Ġunju 2021. Talbiet għal pagamenti sottomessi wara din id-data jkunu suġġetti għal penali ta’ 1% kuljum sa 25 ġurnata wara, jiġifieri sa nhar it-Tlieta 29 ta’ Ġunju 2021. Talbiet sottomessi wara din id-data mhumiex se jiġu aċċettati.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Aġenzija www.arpa.gov.mt, iċempel fuq in-numru 22926148 jew jibgħat email fuq arpa.mafa@gov.mt.

Share With: