“Baħar jaqsam bejn li tiddiskrimna l-abort u li tippromwovih”

Fl-aħħar reazzjoni tagħha b’rabta mal-abbozz ta’ liġi mressaq minnha fil-Parlament fl-aħħar jiem, id-deputata indipendenti Marlene Farrugia qalet li hemm baħar jaqsam bejn li tiddiskrimna l-abort u li tippromwovih.

Filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li qed jipparteċipaw bir-reazzjonijiet tagħhom, Farrugia sostniet dwar ir-rispett; rispett lejn il-ħajja u s-saħħa fiżika u mentali tal-mara, rispett lejn id-drittijiet tat-tarbija u rispett lejn it-tfal. Hija tkompli tgħid li hemm bżonn ta’ “tsunami” ta’ edukazzjoni fejn tidħol is-sesswalità, id-drittijiet ta’ riproduzzjoni u r-responsabbilitajiet li joħorġu minnhom.

Id-deputata indipendenti qalet li hemm bżonn ta’ titjib fis-servizzi tas-saħħa preventiva u kura fejn tidħol is-saħħa tal-mara fejn din ikollha “aċċess sħiħ u b’xejn għall-kontraċettivi, u ħarsien tas-saħħa mentali matul l-iżvilupp tagħha kollu”. Barra minn hekk Farrugia ssostni li mara ma tistax issib ruħha fil-faqar jew dipendenti fuq terżi għax toħroġ tqila u tagħżel li żżomm it-tarbija. 

Dwar l-abort, Farrugia tgħid li minkejja kollox dan għandu jkun l-aħħar għażla, “fejn assolutament m’hemmx triq oħra”. B’hekk l-abort f’dan il-każ għandu jseħħ bħala proċedura medika; bil-qafas ta’ regolarizzazzjoni kollha tiegħu. Iżżid li din il-proċedura m’għandhiex tippromwovi l-abort jew tgħid li hija xi ħaġa li għandha ssir.

Farrugia ttemm tgħid li l-abort għandu jiġi evitat, iżda jeħtieġ li nifhmu li t-telf ta’ ħajja nnaqqsuha mhux bit-theddid , tgħajjir jew bit-tqanqil ta’ mibegħda saħansitra minn qassisin li messhom jafu ahjar”. 

Share With: