Arrestati wara li jaggredixxu anzjan li mar iwaqqafhom milli jagħmlu ħsara lil vettura tas-CPD

Illum, għall-ħabta tas-6.45 a.m., il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm argument fi Triq il-Kbira, San Ġiljan. 

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u l-ewwel investigazzjonijiet juru li raġel ta’ 72 sena li jgħix San Ġiljan, hekk kif mar iwaqqaf żewġ persuni li kienu qegħdin jagħmlu ħsara fuq vettura pparkkjata tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, aggredewh u ħarbu minn fuq il-post. 

Aktar tard, iż-żewġ persuni ġew identifikati; Irlandiż u Spanjola ta’ 23 sena li jgħixu San Ġiljan. Huma ġew arrestati ftit tal-ħin wara fi Triq Karmnu, San Ġiljan. 

Ir-raġel ta’ 72 sena ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi. 

Il-mara u r-raġel qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan għadhom għaddejjin.

Share With: