ARA: Ftehim Kollettiv Ġdid għall-Ħaddiema tal-Malta Enterprise

Miktub minn Claudio Coleiro, Filmat u ritratti Alan Saliba

Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Malta Enterprise li jkopri l-perjodu 2020-2023. Minbarra titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż il-pagi, dan il-ftehim fih għadd ta’ benefiċċji ġodda anke f’dak li jirrigwardja l-progress fil-karrieri tal-ħaddiema.

Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Professjonisti, Servizzi u Finanzi Riccarda Darmanin, min-naħa tal-Malta Enterprise ffirmaw il-Kap Eżekuttiv Kurt Farrugia u ċ-Chief Operations Officer Jesmond Silvio filwaqt li bħala rappreżentanti tal-ħaddiema ffirmaw Elizabeth Tabone, Sean Sciberras u Anna Genovese.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri.

Fil-messaġġ tagħha, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Professjonisti, Servizzi u Finanzi Riccarda Darmanin spjegat kif dan il-ftehim kollettiv qed jiġi ffirmat wara xhur twal ta’ negozjati. “Kienu xhur fejn saru għadd ta’ diskussjonijiet imma minħabba l-problema tal-pandemija ma stajniex niltaqgħu. F’dan il-ftehim kollettiv, komplejna ntejbu l-kundizzjonijiet li hemm diġà fil-Malta Enterprise, tejjibna kemm il-pakkett finanzjarju u kif ukoll żidna xi benefiċċji ġodda,” qalet Darmanin.

Hija żiedet tispjega li żdiedu wkoll l-istrutturi biex il-ħaddiema tal-Malta Enterprise jkunu mħeġġa aktar ikomplu jtejbu l-karriera tagħhom u fl-istess ħin ikunu effiċjenti f’xogħolhom. Darmanin temmet tirringrazzja lill-maniġment, lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u fuq kollox lill-ħaddiema nfushom tal-fiduċja li wrew fil-GWU biex seta’ jiġi ffirmat dan il-ftehim kollettiv.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal “Huwa ta’ pjaċir għalija li ġie ffirmat dan il-ftehim mal-GWU, anke minħabba l-fatt li l-ħaddiema tal-Malta Enterprise matul din is-sena tal-pandemija kienu kruċjali biex inżommu l-ekonomija għaddejja bis-saħħa ta’ skemi bħalma huma l-Wage Supplement fost oħrajn.”

Share With: