Approvat il-pjan ta’ esperjenza ġdida għal min iżur il-Kolossew fil-futur

Ritratt: Dario Francheschini

Il-gvern Taljan approva pjan biex il-Kolossew f’Ruma ssirlu art ġdida u b’hekk jingħata ċ-ċans li l-viżitaturi jkunu jistgħu jesperjenzaw il-post minn fejn kienu jiġġieldu l-gladjaturi fil-passat.

Il-Ministru Taljan tal-Kultura Dario Franceschini ħabbar il-proġett biex tinbena l-art tal-injam li tkun tista’ titneħħa. Id-ditta tal-inġinerija Taljana ‘Milan Ingegneria’ rebħet il-kuntratt ta’ €18.5m euro biex tiddisinja l-art. Rapporti internazzjonali jgħidu li l-art mistennija tkun lesta sal-2023.

Fil-preżent, il-monument ta’ 2000 sena, m’għandux art. Din kienet tneħħiet mill-arkeoloġi fis-Seklu 19 li kixfu netwerk taħt l-art ta’ mini fejn il-gladjaturi u l-annimali kienu jinżammu. 

Filwaqt li qal li dan huwa pass ieħor ‘il quddiem lejn il-bini mill-ġdid tal-area, Franceschini ddeskriva dan bħala proġett ambizzjuż. Il-Ministru qal jistgħu jsiru avvenimenti kulturali fil-Kolossew ladarba l-art tkun ġiet restawrata għall-glorja preċedenti tagħha.

Il-Kolossew jibqa’ wieħed mill-aktar postijiet famużi fl-Italja tant li fl-2019 dan il-post attira madwar 7.6 miljun persuna.

Share With: