Aktar minn 6,000 viżitatur qed ifittxu l-pakkett tat-telekomunikazzjoni l-aktar vantaġġjuż fis-suq lokali

Is-suq tal-komunikazzjoni elettronika jirnexxi billi jinbidel kontinwament u jkun proattiv sabiex jissodisfa d-domandi tal-konsumaturi. It-tibdiliet f’dan is-suq dinamiku ġew aċċellerati f’din is-sena li għaddiet minħabba t-taqlib ikkawżat madwar id-dinja bil-COVID-19. Bħala utenti tat-teknoloġija, qed nibdlu kontinwament il-mod kif ninteraġixxu u nużaw il-gadgets tal-komunikazzjoni tagħna. Biex timmonitorja dawn it-tendenzi tal-konsumaturi li qed jevolvu u l-iżviluppi tas-suq, l- Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) regolarment tiġbor informazzjoni dwar x-xejriet ewlenin tas-swieq osservati għas-settur tat-telekomunikazzjoni ta’ Malta. Mingħajr l-ebda sorpriża, l-aħħar ċifri tal-istħarriġ tal-MCA għall-2020, juru żieda fid-domanda għal broadband fiss veloċi u ultraveloċi.  L-għadd totali ta’ abbonamenti fissi għall-broadband ammonta għal 213,419 sa tmiem l-2020. Din iċ-ċifra tiżdied b’10,906 meta mqabbla mal-figura korrispondenti sena qabel, ekwivalenti għal żieda ta’ 5.4% fl-abbonamenti.

Is-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata wkoll minn volumi akbar ta’ telefonati bil-vuċi mobbli fir-rigward ta’minuti kkunsmati, kif ukoll konsum ogħla ta’ data mobbli. Fil-fatt, ir-riżultati tal-istħarriġ urew li l-volumi tad-data mobbli kkunsmati għall-2020 ammontaw għal 34,088 miljun Mb, żieda ta’ 141 % fis-sena ta’ qabel. Dan jeskludi l-konsum relatat mal-konnettività fuq il-Wi-Fi. Flimkien ma’ dan l-iżvilupp, l-operaturi tal-mowbajl lokali raw volumi ta’ minuti tal-vuċi jaqbżu b’14% sena wara sena. Barra minn hekk, ix-xejra li qed tiżdied fl-użu tal-pakkett tippersisti bil-qawwa, bi 93 % tax-xiri kollu fiss tal-broadband li jseħħ f’ambjent ta’ pakkett. Il- konsumaturi qed juru tendenza li jixtru servizzi miġbura f’pakkett wieħed, li jinvolvu internet, telefonija fissa u servizzi televiżivi, imqanqla mill-istrateġiji li l-fornaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni qed jimplimentaw.

Biex tgħin liċ-ċittadini Maltin jinnavigaw l-għażla wiesgħa ta’ servizzi u pakketti diversi fis-suq, f’Jannar 2021 l-MCA nediet pjattaforma elettronika ta’ tqabbil tal-prezzijiet bl-isem ta’ Telecosts (www.telecosts.com). Din l-pjattaforma tgħin lill-konsumaturi jagħżlu l-aktar offerti ta’ komunikazzjoni elettronika adattati għall-ħtiġijiet tagħhom billi jqabblu l-prezzijiet tad-diversi servizzi offruti mill-fornituri tas-servizzi lokali differenti. Meta jżuru l-portal, il-konsumaturi l-ewwel iridu jagħżlu s-servizz (telefonija fissa, telefonija mobbli, internet jew pakketti) u mbagħad iridu jwieġbu serje qasira ta’ mistoqsijiet, u b’hekk ikunu jistgħu jiffiltraw l-għażliet mogħtija abbażi tal-preferenzi tagħhom. Il-konsumaturi mbagħad jiġu pprovduti b’lista ta’ pjanijiet ta’ servizz li jaqblu mal-preferenzi indikati tagħhom, magħżula skont l-ispiża kkalkulata ta’ kull xahar li tibda mill-orħos pjan ta’ servizz disponibbli.

L-Onor. Silvio Schembri faħħar din l-inizjattiva li tfittex li tkompli tafferma l- Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) fl-għan tagħha li tagħti s-setgħa lill-konsumaturi u tindirizza b’mod effettiv il-bżonnijiet tagħhom. “Irridu naspiraw lejn Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni li hija aktar impenjata għall-bżonnijiet tal-konsumatur,” qal l-Onor Schembri. Huwa tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern għall-MCA, li permezz ta’ ħidma proattiva għandha twassal biex pajjiżna jkollu soċjetà diġitali aktar inklużiva, fejn il-benefiċċji tat-teknoloġija diġitali jinħassu mill-membri kollha tas-soċjetà. Huwa semma l-investiment kontinwu fit-telekomunikazzjonijiet. Dawn jinkludu investiment mill-Awtorità fil-faċilitajiet ta’ monitoraġġ u taħriġ fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, inkluża sistema mill-aktar avvanzata b’faċilitajiet ta’ monitoraġġ strateġikament installati madwar Malta, fuq perjodu ta’ tliet snin. Il-Ministru Silvio Schembri faħħar lill- MCA għar-reputazzjoni tagħha fil-qasam tar-regolamentazzjoni diliġenti li tippromwovi u tiffaċilita investiment kontinwu u kompetizzjoni sostenibbli fis-settur. Huwa enfasizza wkoll l-importanza ta’ konnettività b’saħħitha, speċjalment għal gżira bħal Malta li tiddependi fuq l-interazzjoni mal-Ewropa u s-swieq internazzjonali, biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv. Fi kliem il-Ministru Schembri; “Is-suċċess li ksibna fl-ekonomija Maltija qatt ma kien ikun possibbli kieku ma kienx għall-infrastruttura avvanzata tas-settur tat-telekomunikazzjoni. Se nagħti prijorità lill-industrija tal-komunikazzjonijiet li tappoġġja kwalunkwe industrija oħra. Dan aktar u aktar fi żmien meta qed inħarsu lejn id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Maltija f’setturi teknoloġikament avvanzati.”

Is-Sur Jesmond Buġeja, Kap Eżekuttiv tal-MCA enfasizza wkoll li , “Telecosts huwa imprezzabbli biex jgħin lill-konsumaturi jiksbu l-aktar valur mill-pjan tas-servizz magħżul tagħhom, billi jipprovdi informazzjoni trasparenti, aġġornata u komparabbli mill-fornituri tas-servizzi lokali kollha.” Huwa żied jgħid li, “Il-websajt tat-Telecosts hija għodda sempliċi biex tinnaviga li tippermetti lill-utenti jiffiltraw l-għażliet mogħtija abbażi tal-ħtiġijiet personali tagħhom. Dan il-proġett s’issa wera li kien ta’ suċċess fl-intenzjonijiet tiegħu, bin-numri tal-viżitaturi tal-websajt li juru li huwa għodda mfittxija”.

Minn mindu saret it-tnedija tagħha l-websajt irċeviet total ta’ 6,393 ‘viżitaturi,  b’ 916 viżitaturi li jirritornaw. Dan ifisser 80 viżitatur ta’ kuljum b’ medja ta’ 2m 26secs għal kull sessjoni. L-ogħla numru ta’ tfittxijiet skont it-tip ta’ servizz huma fuq telefonija mobbli ta’ 35%. It-tieni l-aktar servizz imfittex huwa servizzi f’pakketi b’29%, segwiti mill-qrib mis-servizzi tal-broadband bi 28%, bi tfittxijiet tat-telefonija fissa bl-inqas interess ta ‘8%.

L-MCA se tkompli timmonitorja u taġġorna Telecosts b’servizzi u prodotti ġodda tas-suq biex tiżgura esperjenza valida għall-utenti tas-sit. Biex tkompli tqajjem kuxjenza dwar din l-għodda siewja, l-MCA kkonsolidat ukoll l-isforzi ta’ kummerċjalizzazzjoni fi stazzjonijiet tar-radju, tat-televiżjoni, kif ukoll onlajn. Il-konsumaturi huma mħeġġa jżuru l-websajt : www.telecosts.com  u jqabblu b’mod konvenjenti l-pjanijiet lokali kollha disponibbli għat-telefonija mobbli, telefonija fissa, l-internet, kif ukoll ghas-servizzi miġbura f’pakkett wieħed.

Share With: