“Aħjar ftuħ parzjali tar-ristoranti milli magħluqin” – il-President tal-MHRA Tony Zahra

Miktub Minn Claudio Coleiro

Il-ftuħ parzjali tar-ristoranti huwa pass fid-direzzjoni t-tajba iżda għad hemm sezzjoni partikolari ta’ din l-industrija li n-negozju tagħhom huwa għal filgħaxija biss. 

Dan iddikjarah il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Tony Zahra f’kummenti li ta lil dan il-ġurnal fi sfond li r-restoranti se jerġgħu jiftħu b’mod parzjal mit-Tnejn li ġej.

Minbarra li r-ristoranti jistgħu jiftħu biss sal-5.00 p.m. u wara jeqilbu fuq bażi ta’ take-away, ma’ kull mejda jista’ jkun hemm sa massimu ta’ 4 persuni.

“Huwa pass fid-direzzjoni t-tajba żgur. Aħjar miftuħ sal-5.00 p.m. milli magħluq. Imma rridu nirrispettaw il-fatt li hemm sezzjoni li mhux se jkollhom xejn x’jagħmlu ħlief fi tmiem il-ġimgħa. Partikolarment għar-ristoranti high-end, li se jiġu affettwati,” sostna Zahra.

Fil-kummenti tiegħu, il-President tal-MHRA rrikonoxxa wkoll li hemm numru ta’ ristoranti fosthom fil-Belt Valletta, li dawn jiftħu għall-ikla ta’ nofsinhar biss u li għaldaqstant dawn se jiġu impattati pożittivament. 

“Kollox ma’ kollox mexjin fit-triq it-tajba biex niftħu. Il-verità hi li għandek sezzjoni li l-ftuħ għall-ikla ta’ nofsinhar mhix se tagħtihom dak in-nifs li jixtiequ għax in-negozju tagħhom huwa għal filgħaxija,” tenna Zahra.

Mistoqsi dwar il-miżura tat-take away u x’impatt kellha fuq ir-ristoranti, il-President tal-MHRA sostna li: “din tolqot lin-nies b’mod differenti. Għandek sezzjoni li tista’ tikklassifikah fast food fejn it-take away kien pożittiv għalihom. Imma hemm min qiegħed fine-dining, li għalih it-take away ma kienx daqstant ta’ benefiċċju. Ir-realtà hi li l-business model mhux ta’ kulħadd l-istess.” 

Huwa tkellem ukoll dwar l-għajnuna li ta lill-Gvern fis-settur tal-ospitalità, u qal li “mill-informazzjoni li għandna, Malta kienet waħda mill-pajjiżi l-aktar ġenerużi fejn tidħol l-għajnuna mill-Gvern.”

Dwar kif jara li se jmorru r-ristoranti issa li se dalwaqt se niftħu għat-turiżmu b’mod pro-attiv, Zahra qal li: “is-sitwazzjoni biex tkun taf kif sejjer trid tara x’qed jiġri fil-pajjiżi l-oħra. L-iktar ħaġa importanti għalina hi li s-sigurtà tagħna fejn tidħol is-saħħa hi tajba. Dak li jkun se jsiefer minn pajjiżu għal pajjiż ieħor se jħares lejn kemm hemm problema tal-Covid-19. Iktar ma din tkun żgħira, iktar tkun tajba għall-pajjiż.”

“Il-fatt li n-numru ta’ tilqim li għamilna huwa sostanzjali, fejn qegħdin ma’ tal-ewwel, dan jagħtina vantaġġ. Jibqa’ l-fatt li rridu naraw kif se jirreaġixxu l-konsumaturi,” tenna Zahra.

Huwa żied jgħid li għadu mhux ċar dwar x’se jkun qed jiġri fir-rigward ta’ kif se jkun il-kontroll u l-green passport fost oħrajn u għalhekk, aktar ma joqrob is-sajf, irid ikun hemm aktar kjarezza fuq dan kollu. 

“Nisperaw li jkollna sajf raġjonevoli. Mhux se mmorru lura għall-figuri tal-2019. Mill-figuri li qed naraw huwa li naslu hemm fl-2024 imma kollox għadu spekulattiv,” temm jgħid il-President tal-MHRA Tony Zahra. 

Intant, l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) fi stqarrija appellat lill-Gvern biex jippermetti “ftuħ sħiħ” mill-ewwel. “Is-sitwazzjoni qed issir dejjem aktar diffiċli b’aktar stabbilimenti jirrappurtaw riskju li jagħlqu b’mod permanenti.”

“Il-ħruġ tal-vawċers flimkien mal-ftuħ tal-istabbilimenti huma importanti biex jinkoraġġixxu l-konsum biex itaffu d-diffikultajiet finanzjarji li qed jaffaċċjaw,” qalet l-ACE filwaqt li laqgħet ukoll id-diversi miżuri mħabbra mill-Gvern rigward il-liċenzji tal-MTA u l-kirjiet. 

Share With: