Aġġornat: Destiny b’dehra ġdida għat-tielet prova tagħha

Filmat: Good Evening Europe tv

Destiny temmet l-ewwel prova tagħha tal-lum hekk kif għal darb’oħra żvelat dehra u stil ta’ xagħar ġodda.

Qabel ma għamlet din il-prova, fuq il-midja soċjali hija kitbet li wara d-diżappunt tal-bieraħ din id-dehra tant għoġbitha li riedet tippruvaha fuq il-palk.

Aktar qabel…

Destiny ingħatat aħbar sabiħa hekk kif tista’ tieħu sehem fl-ewwel prova uffiċjali llejla ġewwa Rotterdam. Dan wara li hi flimkien mad-delegazzjoni Maltija ma rriżultawx pożittivi għall-Covid-19.

Ilbieraħ Destiny ħabbret li ma kinitx se tattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ wara li rriżulta każ pożittiv għall-Covid-19 fid-delegazzjoni tal-Polonja. Peress li jinsabu fl-istess lukanda, huma ntalbu biex jibqgħu fiha.

Fi stqarrija, l-EBU qalet li bħala prekawzjoni d-delegazzjoni Pollakka se tibqa’ fi kwarantina sakemm terġa’ tagħmel it-test qabel joħorġu għall-prova tagħhom qabel it-tieni semi finali.

Illum wara nofsinhar Destiny se tieħu sehem fl-ewwel prova għas-serata tal-lejla. Wara, mistennija l-ewwel wirja uffiċjali fejn fiha se jkun hemm ġurati minn kull pajjiż biex jivvutaw għall-kanzunetti.

L-istennija għas-semifinali ta’ għada, li fih se tipparteċipa Destiny, tkompli tikber b’ħafna huma dawk li qed jappoġġjaw lill-ambaxxatriċi Maltija.

Share With: