10,000 klijent fi 30 pajjiż differenti jużaw prodott innovattiv maħluq minn kumpanija Maltija

Finanzjament ta’ €161,000 mogħti mill-programm nazzjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) wassal biex il-kumpanija Maltija Scope Solutions, flimkien mal-Università ta’ Malta, tiżviluppa prodott ġdid bl-isem DataDear.

Fi żjara fl-uffiċini ta’ Scope Solutions, il-Ministru Owen Bonnici spjega li dan hu eżempju ieħor fejn finanzjament minn fondi għar-riċerka, flimkien ma’ sinerġija bejn kumpaniji lokali u l-Università ta’ Malta, wasslu għall-ħolqien ta’ prodotti jew ta’ servizzi ġodda li mbagħad jiġu kumerċjalizzati lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali. Il-prodott DataDear illum kiber u qed jagħti servizz lil madwar 10,000 klijent minn 30 pajjiż differenti u hekk poġġa lil Malta bħala attur strateġiku f’dan is-settur.

Dawn l-aħħar snin l-industrija esperjenzat qabża importanti mill-użu ta’ software tradizzjonali għal dak ibbażat fuq il-cloud li jirreferu għalih ukoll bħala Software as a Service jew SaaS. Waqt li s-sitwazzjoni li ġabet magħha l-COVID-19 għaġġlet dan il-proċess għal ħafna kumpaniji, il-kumpanija Scope kienet ilha taħdem fuq din il-bidla mill-2013.

Mir-riċerka li wettqet il-kumpanija Scope, identifikat opportunità importanti fil-qasam finanzjarju u kompliet billi investiet madwar €1,000,000 f’riċerka sabiex tagħti l-possibbiltà lill-professjonisti mid-dinja finanzjarja u tan-negozju biex iħaddnu din it-teknoloġija u jsaħħu aktar l-intrapriżi tagħhom.

Din is-sistema tissinkronizza bejn data li tinsab fuq il-cloud u oħra li tintuża bil-mod tradizzjonali u b’hekk tiffaċilita trasferimenti ta’ data f’ambjent kontrollat. Permezz ta’ dan is-software, accountants Maltin ikunu jistgħu jipproċessaw it-taxxa tal-VAT fi ftit minuti, fejn qabel dan il-proċess kien jieħu sigħat ta’ xogħol.

Brian Ferris, wieħed mill-imsieħba ta’ Scope, qal li permezz tal-ħidma ta’ Scope ma’ professjonisti, partikolarment fil-qasam tal-finanzi għal skopijiet cloud, inħolqot opportunità li mbagħad ingħatat il-ħajja permezz ta’ DataDear, f’forma ta’ prodott SaaS li hu sinerġetiku u integrat. 

Share With: