Update fl-app tal-contact tracing se tgħin lil dawk li se jivvjaġġaw

Waqt li kienet qiegħda tagħti l-aħħar dettalji b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, il-Professur Charmaine Gauci ħabbret li kien hemm aktar minn 15,000 persuna li rreġistraw biex jitlaqqmu.

Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet ġiet mnedija sistema ġdida ta’ kif persuna tapplika għat-tilqima. Dawk eleġibbli f’dan l-istadju huma persuna ‘l fuq minn 50 sena.

Gauci tkellmet dwar l-importanza tat-tilqim u qalet li dan qiegħed iħalli effettivi pożittivi ħafna. Hija qalet li mhux biss qegħdin jonqsu l-imwiet fost l-anzjani, iżda saħansitra mill-każi ġodda, fl-aħħar ġimgħa kien hemm biss tliet anzjani li rriżultaw pożittivi minn swabbing li qiegħed isir għall-għarrieda. Dawn ma kellhomx sintomi u ma kellhomx bżonn li jiddaħħlu l-isptar.

Il-medja ta’ każi ġodda matul l-aħħar ġimgħa, niżlet għal 50 każ. L-età medja ta’ każi ġodda fl-aħħar jiem kienet dik ta’ 39 sena.

Is-sitwazzjoni fl-isptarijiet kompliet taqleb għall-aħjar u dan hekk kif il-pazjenti naqsu għal 69 persuna.

Dawn jinsabu maqsumin:

Disgħa fl-Isptar Mater Dei
Tmienja fl-IDU
21 persuna fi swali oħra tal-Isptar Mater Dei
Persuna fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex
Disgħa persuni fl-Isptar Boffa
Disgħa fl-Isptar St Thomas
11-il persuna f’Karin Grech
Persuna f’Monte Carmeli.

Il-Contact tracing app se tkompli tiġi żviluppata u wara update li sar din se tgħaddi fuq livell internazzjonali. Gauci qalet li mexjin tajjeb fil-proċess tat-tilqim, persuna li tagħżel li ssiefer u jkollha l-app fuq il-mowbajl tista’ tiġi nnotifikata f’każ li tkun ġiet f’kuntatt ma’ persuna li jinnotifika fl-app li kien ġie infettat. Din tista’ taħdem b’mod reċiproku għal turisti li jkunu ġew f’kuntatt ma’ Maltin li jkunu ġew infettati u jinnotifikaw dan fl-app. Il-Professur Gauci qalet li din l-update se tgħin fil-proċess tal-contact tracing.

Share With: